Il-Ġimgħa, 24 ta’ Settembru 2010

L-Interdett: ommi tlaqqtu m’għand ommha u l-Partit ilaqqtu m’għand il-Knisja

Jannar 1961: Fil-ġlieda għall-ħelsien mill-Ingliżi il-MLP fittex appoġġ minn żewġ għaqdiet internazzjonali. L-ewwel waħda kienet l-AAPSO – African Asian People’s Solidarity Organisation. It-tieni kienet is-Socialist International.

Skont l-għerf tal-Knisja, dawn kienu għaqdiet komunisti. Ma ninsewx li l-Knisja kienet sieħba tal-imperjaliżmu f’daż-żmien tal-Gwerra Bierda . Meta Mintoff u Anton Buttiġieġ marru jattendu laqgħa tal-AAPSO fil-Kajr f’Jannar 1961 Gonzi tfantas mhux ftit. Il-Kurja ġabret madwarha dik li sejħu il-Ġunta Djoċesana – ġabra ta’ għaqdiet reliġjużi, inkluż l-Azzjoni Kattolika u tal-Mużew, biex tniedi gwerra kontra l-Laburisti. Il-Ġunta iddikkjarat li ħadd mill-membri tagħha ma jista’ jissieħeb mal-MLP, u lanqas ma jistgħu jappoġġjaw jew jivvotaw għall-Partit.


21 ta’Jannar 1961: Għat-tieġ ta’ Victoria, ommha Lucy xtratilha d–drapp u ħititilha l-libsa. U saħansitra anke tagħta d-dota. Imma għat-tieġ ma marritilhiex. U ma ħalliet lil ħadd mill-familja jmur, lanqas. Bagħtet lil Harold, wieħed minn ħut Victoria, biex iwassalha saz-zuntier tal-knisja u mbagħad kellu jerġa’ jitlaq lura d-dar.




  
Duminku, Victoria, Ċali u Karmena
Għall-qamar il-għasel Ċali u Victoria marru Buġibba, qagħdu f’ appartament mikri, u maghhom ħadu lill-kelb tal-familja Jubal. Kif kienet hemm Victoria ċemplet lil ommha biex tgħidliha kemm qed tieħu gost; missieri bit-tmelliħ ikkummentalha kemm hi kattiva.

Marzu 1961: L-Isqfijiet għoġobhom jerġgħu jużaw ir-Randan biex jattakkaw lill-MLP. Ħarġu jikkundannaw il-komuniżmu.

Eżatt wara ħarġet “Sejħa lill-Poplu Malti” mill-kappillani ta’ Malta u Għawdex, il-provinċjali tal-ordnijiet reliġjużi ul-Ġunta Djoċesana. F’dis-sejħa kkundannaw il-komuniżmu u xlew li l-komuniżmu qed jiddaħħal f’Malta mill-MLP permezz tas-sħubija tal-Partit fl-AAPSO.

Għamlu sejħa biex in-nies jinġemgħu bi ħġarhom fuq il-fosos tal-Furjani fil-5 ta’ Marzu biex jipprotestaw kontra t-theddida tal-komuniżmu.

15 ta’ Marzu 1961: L-MLP ħareġ stqarrija li fiha kkundanna l-imġieba tal-arċosqof Gonzi, li biha kien qed jagħmel ħsara lill-pajjiż fil-ġlieda tiegħu għall-ħelsien. Spjega kif mill-gvernijiet tal-Ewropa u tal-Istati Uniti u min-NATO il-Partit baqa’ b’xiber imnieħer. Żied li għand il-gvernijiet tal-Ewropa tal-Lvant ma marx. Ikkundanna lill-arċisqof bħala persuna privata u mhux kif qabillu Gonzi jdawwarha li qed jattakkawh bħala kap tal-Knisja.


L-Eżekuttiv tal-MLP 1961
 8 ta’ April 1961: Ma kenitx imbierka stqarrija! L-arċisqof talab bid-dritt li l-Partit jirtira l-istqarrija u jagħtih apoloġija. Mill-Partit it-tweġiba kienet li, bħala partit demokratiku, irid iressaq dit-talba quddiem il-konferenza ġenerali. L-isqfijiet mill-ewwel – fit-8 ta’ April – bagħtu ittra li fiha taw l-interdett lil kull min kien ħa sehem fil-laqgħa tal-Eżekuttiv fil-15 ta’ Marzu.

24 ta’ Mejju 1961: Il-Knisja ħarġet ċirkulari li fiha estendiet l-interdett lil kulmin jikkritika lill-arċisqof u lill-kleru, lil kulmin jappoġġja lill-MLP, u lil kulmin jaqra l-gazzetti tal-Partit.










Il-Ħadd, 19 ta’ Settembru 2010

L-għerusija u l-bidu tal-inkwiet

 


Ċali u Victoria
  
 Ċali u Victoria tgħarrsu sena wara li ltaqgħu, f’Mejju tal-1959. Peress li l-inkwiet bejn il-Partit Laburista u l-Knisja kien għadu ma żbruffax, Ċali, għalissa, kien jintlaqa’ tajjeb f’dar Victoria. Tant li l-festin tal-għerusija sar f’darha.

Mhux li inkwiet politiku ma kienx hemm; l-għada tat-28 t’ April 1958 l-Arċisqof Gonzi kien ħareġ jikkundanna l-vjolenza. Mintoff allura pubblikament akkużah li huwa kollaboratur tal-Ingliżi. Imma kienu għad iridu jgħaddu ftit xhur oħra qabel ma l-Knisja ħaditha qatta’ bla ħabel kontra l-Laburisti.

Kien hawn li beda jriegħed u jberraq fid-dar ta’ Victoria. John u Lucy – missier u omm Victoria – lil Ċali issa bdew jarawh ikrah. L-inkwiet kellu jiżbroffa b’ċuċata, meta darba waħda wassalha lura d-dar minn ħarġa. Oħtha ż-żghira tat daqqa ta’sieq lil Victoria, u Ċali lil Victoria qalilha biex ma tagħtix kas ta’ oħtha u ma tħallihiex tħassrilha l-gost li kienet ħadet dakinhar. John għadab u qallu jitlaq ‘il barra. Ċali dar fuq Victoria u qalilha, “Se tiġi?” Hi ħarġet mill-bieb tas-salott biex titlaq ‘il barra. Uħud minn ħutha s-subien qamu biex imorru warajha biex jiġbduha ‘l ġewwa. Ċali ntefa fil-bieb tal-kamra tas-salott u refa’ jdejh qisu msallab biex ibarri l-bieb. Ta’ xejn issieltu miegħu.

Dan seħħ f’Jannar tal-1960.

Minn dakinhar sa meta twelidt jien, l-ewwel neputi ta' John u Lucy f’Malta, missieri Ċali ma daħalx iktar għandhom.

Dakinhar Victoria marret tgħix ma’ ħu Ċali – Ġorġ - u martu. Magħhom għamlet sitt xhur maħruba minn dar ommha. Tul daż-żmien Patri Leopoldo, ħabib tal-familja ta’ Ċali, li ‘l quddiem kellu jżewwiġhom, kellu jmur ikellem lil omm Victoria, biex jipprova jġib il-paċi bejniethom; imma fil-fatt ma marx. Għala ma marx ma nafux.

Darba minnhom Victoria ltaqgħet m’ommha fit-triq u din ħajritha tmur lura d-dar. Damet hemm sakemm, xi tmien xhur wara, hi u Ċali żżewġu.


L-Arċisqof Mikiel Gonzi
Sadattant l-inkwiet bejn il-Knisja u l-Partit Laburista sserja: fis-6 ta’ Marzu 1960 l-Isqfijiet ħarġu l- Pastorali tar-Randan li fiha qalu li min hu Nisrani ma jistax ikun Soċjalista. Il-gazzetta The Struggle, tal-Labour League of Youth, ippubblikat kritika tal-Pastorali li rrabbjat bil-kif lill-Isqfijiet. Dawn talbu apoloġija. Dak li rċievu m’għoġobhomx u taw l-Interdett lill-editur tal-gazzetta Lorry Sant u saħansitra lil kull min baqa’ jaqra dil-gazzetta.

Ta’ min ifakkar, hawn, li l-Laburisti kważi kollha kienu Kattoliċi. Jiġifieri din ma kenitx ġlieda bejn il-Kattoliċi u dawk li ma jemmnux. Ċali u l-familja tiegħu kienu tipiċi minn hekk. Tul l-għerusija ma’ Victoria kien imur il-quddies kuljum magħha. Kienu jiltaqgħu biex imorru jisimgħu l-quddiesa tas-sebgħa ta’ fil-għodu, imbagħad Ċali kien jibqa’ sejjer ix-xogħol u Victoria kient tmur lura d-dar.


Il-Ħadd, 5 ta’ Settembru 2010

Ir-Rifuġjati

Waqt li kont l-Indoneżja ma’ sieħbi Danny, inżuru l-qraba tiegħu, irnexxieli nsib kopja tal-ktieb The Chinese in Indonesia, ta’ Pramoedya Ananta Toer. Pram, kif isibuh l-Indoneżjani, huwa kittieb magħruf iktar madwar id-dinja milli f’pajjiżu, fejn qatta’ erbatax-il sena ħabsi fuq il-gżira ta’ Buru, mill-1965 sal-1979, u mbagħad baqa’ arrestat f’daru sal-1992. Kien intefa’ hemm wara l-kolp ta’ stat li wettqet l-armata taħt Suharto, dak li sar id-dittatur tal-pajjiż sal-1998.

Dal-ktieb huwa ġabra ta’ artikli – fil-forma ta’ ittri lil ħabiba Ċiniża - li kien kiteb fil-gazzetta Bintang Minggu bejn tmiem l-1959 ul-bidu tal-1960. Il-ktieb innifsu harġu fl-1960. Kitbu bi kritika kontra l-politika tal-armata u ta’ wħud mill-ministri fil-gvern, mingħajr trażżin mill-President Sukarno, kontra ċ-Ċiniżi Indoneżjani. Waqt li kien imsiefer sema’ li l-ktieb inħataf mill-militar; malli wasal lura l-Indoneżja safa arrestat għal sena sħiħa.

Kif bdejt naqra l-ewwel ittra, l-ewwel ħsieb li ġieni kien li kliemu japplikaw għall-qagħda tar-rifuġjati, għall-mod kif qed jiġu ttrattati: mitfugħin f’kampijiet; ħabsin bla ma wettqu reat. Għax wara kollox m’hemm ebda liġi kontra r-rifuġjati – il-liġi internazzjonali tagħraf id-drittijiet tagħhom, liġijiet li l-gvernijiet ta’ għadd ta’ pajjiżi, inkluż ta’ Malta w tal-Awstralja, jiġu jitmellħu minnhom.

Dawn huma kliem Pram:

“Jekk inħarsu biss lejn ir-realtà uffiċċjali (xi kliem ċiniċi: realtà uffiċċjali!), illum qed ngħixu fi żmenijiet moderni. Hemm ħafna nies li huma kburin li jagħmlu parti minn daż-żmien modern u li jqisu ż-żmenijiet tal-imgħoddi qishom kienu strambi, mitlufin, forsi anki tragiċi, patetiċi. Iva, u jien ukoll ikolli nammetti li daż-żmien modern ikkontribwixxa ħafna lill-umanità. Imma anki llum l-umanità nnifisha tinsab mhedda, sakemm jibqa’ jkun hemm nies li jippreferu jgħixu bħall-bhejjem milli bħall-bnedmin. U l-ħaġa stramba hija li huma l-bnedmin infushom – l-unika qawwa li tista’ tiddefendi ċiviltà ħanina - li spiss jinsew li huma bnedmin. Ix-xogħol tal-iżvilupp tal-umanità huwa spiss ittradut mill-bnedmin infushom. B’hekk jitfaċċcaw bosta xorti ta’ terrur.”

Nieħu minna l-Maltin. Għala bosta minna ma rridux rifuġjati f’pajjiżna? Hemm min iġħid għax Malta żgħira u ma tiflahomx. Hemm min igħid għax jieħdu xogħol il-Maltin. Imma l-fatti x’inhuma? Wisq nissusspetta li għax ir-rifuġjati li naraw ġejjin huma mill-Afrika, għax huma suwed. Kieku kienu bjondi ċert li ftit li xejn kont issib min joġġezzjona. Insejna li hu x’inhu l-lewn tal-ġilda xorta waħda lkoll kemm aħna bnedmin.

Mhux biss, imma wisq Maltin l-ewwelnett insew li aħna ssawwarna bħala poplu mit-taħlit tad-demm minn għadd ta’ nies minn pajjiżi oħrajn. U t-tieni donnhom insew ukoll kemm eluf fuq eluf ta’ Maltin marru joqogħdu f’art ħaddieħor, ibda mit-Tunezija u pajjiżi oħrajn fl-Afrika ta’ Fuq fis-seklu dsatax, u kompli b’dawk li marru l-Ingilterra, il-Kanada, l-Istati Uniti u l-Awstralja fis-seklu għoxrin.
Allura għax ma ngħarfux lir-rifuġjati bħala aħwa li jinsabu fil-bżonn?!

P.S. Pramoedya Ananta Toer miet fit-30 t’April 2006.