M’għandix memorji personali tas-snin koroh tal-Interdett. Kont żgħir wisq. Niftakar biss it-tilwim bejn iz-zijiet min-naħa t’ommi u missieri fil-festini, u l-karrijiet tal-fjuri tal-karti f’waħda mill-isfilati ta’ Jum il-Ħaddiem fil-Ħamrun.
Il-patrijiet ta' Marija Reġina |
Trabbejt il-Marsa ta’ Fuq f’dik li, wara l-bini tal-Knisja tal-Madonna tad-Dmugħ, li tlestiet f’November 1961 – proġett ta’ Patri Feliċjan Bilocca (li dak iż-żmien kien għadu ewlieni tal-MLP) – saret il-parroċċa ta’ Marija Regina fl-1967.
Ir-ritratt tiegħi tal-preċett |
Meta, ta’ sitt snin, bdew jaħsbuli biex nagħmel il-Preċett, bdejt immur għal-lezzjonijiet tad-duttrina għand is-sorijiet li kellhom kunvent fi Triq Balbi, qrib il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa.
Wara l-Preċett in-nanna Karmena, li għext magħha sal-eta’ ta’ 15-il sena, daħħlitni abbati. Bagħtitni wkoll il-Mużew.

La fl-abbatini u lanqas fil-Mużew ma niftakar li qatt smajt xejn kontra l-MLP. Kien qrib it-tmiem tal-Interdett, l-elezzjoni tal-1966 kienet ġa għaddiet, u jidher li l-affarijiet kienu kkalmaw xi ftit sa dak iż-żmien. Barra minn hekk nissusspetta li l-ewwel kappillan tal-parroċċa - Patri Kalċidon Baldacchino - lagħab sehem importanti biex xi ftit jew wisq seħħet il-paċi f'dil-parroċċa. Il-Marsa ta’ Fuq kienet, fil-maġġoranza tagħha, Laburista, u dal-kappillan kien maħbub sew mill-parruċċani. Kien bniedem dħuli ħafna u miġjub minn kważi kulħadd. Meta tneħħa mill-parroċċa fl-1975, tgħidx kemm ipprotestajna. Imma f’wiċċna baqa’.