Xbiha mistħajla ta, Mikiel Anton Vassalli |
L-istorja moderna ta’ Malta tibda, nistgħu ngħidu, mal-miġja tal-Franċiżi f’Malta. Għalkemm fi Franza r-Rivoluzzjoni Franċiża kienet digà ħadet xejra reazzjonarja bil-qirda tax-Xellug, l-armata repubblikana Franċiża ħadet ħafna mill-prinċipji rivoluzzjonarji magħha fil-konkwisti tagħha.
Bħala eżempju ta’ min isemmi li wieħed mid-degreti tal-Franċiżi f’Malta kien it-tneħħija tal-iskjavitù.
Tmaqdar xi tmaqdar dwar il-Franċiżi f’Malta, fl-aħħar il-Maltin kellhom l-opportunità li jtajru l-fewdaliżmu minn Malta – mhux biss il-fewdaliżmu tal-Kavallieri imma anke tal-kleru.
U hawn naraw il-qawwa tal-Knisja u tal-kleru għax il-ħakma taghħom kienet mhux biss fuq l-imħuħ tar-raħħala Maltin imma anke ħakma ekonomika peress li l-Knisja kienet sid ewlenija ta’ art, proprjetà u industrja, speċjalment tal-qoton.
Mill-irvellijiet kontra l-Franċiżi ‘l hawn din kient l-istorja reazzjonarja tal-Knisja f’Malta. Imkien ma naraw il-kruha fil-qalba tal-Knisja iktar milli fl-oppożizzjoni tagħha kontra l-moviment tal-ħaddiema.
Insemmi l-ġrajjiet ewlenin minn dak iż-żmien s’issa:
Is-Società Operaia twaqqfet minn għadd ta’ ħaddiema fl-1885. Skont il-mexxej tal-Partit tal-Ħaddiema Ġużè Bonniċi, din kienet għaqda semi-reliġjuża. Il-qassisin ħasbuha għaqda Protestanta u ħarġu kontrieha. Il-membri tas-Società irribattu l-kritika u l-Isqof ta’ dak iż-żmien heddet li jikkundannahom. Is-Società ċediet malajr, żiedet il-kelma ‘Cattolica’ mat-titlu u aċċettat id-direttur spiritwali li mponielhom l-Isqof.
Manwel Dimech |
Manwel Dimech illum nittama li huwa magħruf sewwa, l-ewwel minħabba x-xogħol siewi tal-Laburist Ġeraldu Azzopardi, u wara tax-xogħol li irriċerka u ippubblika l-Patri Mark Montebello. Dimech laqqat skomunika, maħruġa mill-Isqof Pace, fit-23 t’Ottubru 1911. L-Isqof Pace ikkundanna lix-Xirka tal-Imdawlin u l-gazzetta ta’ Dimech Il-Bandiera tal-Maltin. Kull minn kien imsieħeb max-Xirka, jew għenha, kulmin jistampa l-gazzetta, ibigħha, jixtriha, iqassamha jew jaqraha, jew anke biss iżommha, ikun qed jidneb. Lil Dimech nafu sew x’għamlulu bejniehom iż-żewġ ħakkiema tal-poplu Malti – il-gvern kolonjali Ingliż u l-Knisja Kattolika. Spiċċa eżiljat fl-Eġittu fejn miet fis-17 ta’ April 1921 u ndifen f’biċċa ħofra fir-ramel tal-Victoria College, Lixandra.
Gerald Strickland |
Il-Compact bejn il-partit ta’ Strickland ul-Partit tal-Ħaddiema fl-1927 wassal għall-ġlieda politoko-reliġjuża bejn l-1928 u l-1932. Strickland u l-Partit tal-Ħaddiema t-tnejn laqqtu l-interdett fil-pastorali ta’April 1930. L-istess bħalma ma kellu jiġri tletin sena wara, il-Laburisti u l-Istricklandjani sfaw imċaħħdin mill-qrar, il-preċett u t-tberik.
L-Interdett 1960-1968: l-effetti tiegħu għadhom jinħassu sa llum minn dawk li ġarrbuh. U nissusspetta li l-għażla ta’ Joseph Muscat li ma jikkommettix lill-Partit Laburista favur id-divorzju ġejja minn hawn, għallinqas parzjalment. Jekk il-partit jieħu pożizzjoni favur id-divorzju jista’ jwassal biex il-Knisja tattakkah. Wara daqs dawn snin fl-oppożizzjoni, Muscat żgur ma jridx li l-Knisja ttellfu rerbħa elettorali. Mentri jekk ma jikkommettix lill-Partit, u tqis li l-PN huwa maqsum fuq dil-kwistjoni, ikun jista’ jaħrab il-ħdura tal-Knisja. Forsi jien xi ftit ċiniku, imma min jaf jekk l-isqfijiet iddeċidewx li dil-kwistjoni hija waħda ta’ kuxjenza minħabba li anke fi ħdan il-PN hemm min jappoġġja d-divorzju?
Jista’ jkun ukoll li l-Knisja tibża’ lil jekk tipprova terġa’ tqajjem id-dnub il-mejjet, did-darba (speċjalment wara l-esperjenza tas-snin tmenin) tispiċċa hi t-telliefa.
Żmien l-interdetti għadda għas-sempliċi raġuni li darb’oħra ir-rabja u l-korla ddur kontra l-Knisja. Forsi, wara kollox, il-Knisja m’għadx għandha s-saħħa u l-poter ta’ dari. Għax minkejja li Mintoff darba kien qal, “Naħfer iva, ninsa le,” nibqa’ ċert li ħafna Laburisti li ġarrbu dawk iż-żmenijiet koroh mhux biss ma nsewx imma baqgħu ma ħafrux.
Għax il-Knisja għadha ma nbidlitx. Għal min jaħseb li jien żbaljat, ngħid biss li bħala raġel gay naf x’jien ngħid, għax il-ħdura tal-Knisja għadha mmirata lejna.
No comments:
Post a Comment