Is-Sibt, 25 ta’ Diċembru 2010

It-twemmin reliġjuż u jien

M’għandix memorji personali tas-snin koroh tal-Interdett. Kont żgħir wisq. Niftakar biss it-tilwim bejn iz-zijiet min-naħa t’ommi u missieri fil-festini, u l-karrijiet tal-fjuri tal-karti f’waħda mill-isfilati ta’ Jum il-Ħaddiem fil-Ħamrun.

Il-patrijiet ta' Marija Reġina














Trabbejt il-Marsa ta’ Fuq f’dik li, wara l-bini tal-Knisja tal-Madonna tad-Dmugħ, li tlestiet f’November 1961 – proġett ta’ Patri Feliċjan Bilocca (li dak iż-żmien kien għadu ewlieni tal-MLP) – saret il-parroċċa ta’ Marija Regina fl-1967.

Ir-ritratt tiegħi tal-preċett
Meta, ta’ sitt snin, bdew jaħsbuli biex nagħmel il-Preċett, bdejt immur għal-lezzjonijiet tad-duttrina għand is-sorijiet li kellhom kunvent fi Triq Balbi, qrib il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa.

Wara l-Preċett in-nanna Karmena, li għext magħha sal-eta’ ta’ 15-il sena, daħħlitni abbati. Bagħtitni wkoll il-Mużew.




Missieri qatt ma ndaħalli f’dik li hi reliġjon, avolja hu ma baqax imur il-knisja. Imma baqagħli daqxejn ta’ suspett, memorja vaga ħafna, li nannti kienet bagħtitni l-Mużew mingħajr il-permess tiegħu, bil-ħabi. Għax ma ninsewx li tal-Mużew kienu fost l-iktar li xewxu lit-tfal biex imorru jisfrattaw il-meetings Laburisti. Niftakar sewwa, imma, inċident meta qorbot l-elezzjoni tal-1971. Kien il-Ħadd fil-għodu, u kont mort il-Mużew. Kellna superjur akkanit li dejjem riedna nilbsu l-baġġ tal-Mużew - il-Verbum Dei Caro Factum Est  – u jien kont nilbisha qabel nidħol hemm u ninzagħha meta nitlaq ‘il barra. Daqs nofs kantuniera ‘l isfel mill-Mużew, fi pjazzetta fi Triq il-Marsa kantuniera ma’ Triq Zerafa, kien hemm meeting Laburista. Mill-Mużew mort dritt għall-meeting. Kif wasalt hemm iltqajt ma’ missieri. Dan rali l-baġġ fuqi, ħatafni u qalli ninżagħha. U hekk għamilt.

La fl-abbatini u lanqas fil-Mużew ma niftakar li qatt smajt xejn kontra l-MLP. Kien qrib it-tmiem tal-Interdett, l-elezzjoni tal-1966 kienet ġa għaddiet, u jidher li l-affarijiet kienu kkalmaw xi ftit sa dak iż-żmien. Barra minn hekk nissusspetta li l-ewwel kappillan tal-parroċċa - Patri Kalċidon Baldacchino - lagħab sehem importanti biex xi ftit jew wisq seħħet il-paċi f'dil-parroċċa. Il-Marsa ta’ Fuq kienet, fil-maġġoranza tagħha, Laburista, u dal-kappillan kien maħbub sew mill-parruċċani. Kien bniedem dħuli ħafna u miġjub minn kważi kulħadd. Meta tneħħa mill-parroċċa fl-1975, tgħidx kemm ipprotestajna. Imma f’wiċċna baqa’.

                                              *

Meta kont Form 4, ta’ 15-il sena, ma bqajtx kattoliku. U ta’ 17-il sena, meta kont Form 6 il-Belt, sirt ateju. Imma dik storja ohra.