It-Tnejn, 3 ta’ Jannar 2011

Ir-Rebħa - l-elezzjoni tal-1971


L-elezzjoni tal-1971 kienet l-ewwel elezzjoni ħielsa u ġenwina fl-istorja ta’ Malta. La kienet imxekkla mill-awtoritajiet Ingliżi u lanqas mill-Knisja, issa mrażżna – fl-aħħar! – mill-Vatikan.

U l-MLP, mingħajr id-dnub il-mejjet, rebaħha. Il-Partit Nazzjonalista, mingħajr il-Knisja tagħtih palata, tilifha.

Għalija u għall-familja tiegħi din l-elezzjoni ġabet ħafna ferħ. Kollna kemm aħna ħdimna u tajna sehmna għar-rebħa, anke jien.

                                             *

in-nanna Karmena
Niftakar li, għall-elezzjoni, sibt biċċtejn drapp, waħda bajda u waħda ħamra. Qtajt biċċa minn kull waħda bl-imqas. Imbagħad, b’labra w ħajta, ippruvajt inħithom flimkien biex nagħmel bandiera Maltija. Ma kienx fiha x’tara – bilkemm kienu jżommu flimkien il-biċċtejn drapp, b’kull punt fih daqs pulzier jew tnejn!

L-għada n-nannu Duminku ħa l-bandiera f’idejh, qata’ l-ħjata u reġa’ qata’ l-biċċtejn drapp, did-darba sura ta’ nies. Meta lesta n-nanna Karmena poġġiet mal-magna tal-ħjata, li kienet titħaddem bis-sieq, u ħitithomli flimkien. Issa kelli bandiera vera.

Pinġejt l-arma tal-MLP fuq biċċa karta u waħħaltha mal-bandiera. Waħħalt il-bandiera ma lasta tal-ixkupa. Imbagħad sibt lumija tal-plastik - lumija għall-Partit Nazzjonalista - u dendiltha mal-lasta .

Tgħidx kemm ġrejt biha fit-toroq tal-Marsa!

                                             *

Jum l-elezzjoni niftakar lin-nannu, lil missieri u liz-ziju Ġorġ bilqiegħda madwar il-mejda jisimgħu r-riżultati tal-għadd tal-voti deħlin ftit ftit minn fuq ir-Rediffusion. Fuq il-mejda kellhom karta kbira mifruxa li fuqha kienu qed jimmarkaw il-voti.

U meta rbaħna tistgħu taħsbu xi storbju u xi plejtu għamilna, u kemm ġrejna mat-toroq u bil-karozza biex niċċelebraw u ninfexxu fil-ferħ li kellna.

Tgħidx kemm xejjirtha l-bandiera!

                                             *

in-nannu Duminku
Din kient waħda mill-aħħar memorji li għandi tan-nannu. Miet is-sena ta’ wara. Miet bil-mard. Imma meta niftakar fih ngħid f’qalbi li għallinqas fl-aħħar sena ta’ ħajtu ħa ferħa waħda kbira wara dawk is-snin kefrin.

B’hekk tintemm l-istorja tal-familja tiegħi ta' żmien l-Interdett.