Il-Ħadd, 22 ta’ Awwissu 2010

1958 – Ommi u missieri jiltaqgħu wara l-irvellijiet

Kien Mejju tal-1958. Victoria kienet marret sal-Furjana mal-ħabiba tagħha Vivienne. Baqgħu deħlin il-Belt. Kif għaddew minn bieb il-Belt resaq lejha baħri Taljan, li qalilha li jqiż li huwa tajjeb għaliha. Victoria bagħtitu jixxejjer u baqgħet miexja. Xħin waslu ħdejn Kordina tal-pasti ntebħet bi klikka żgħażagħ – ġuvintur u tfajliet. Fosthom kien hemm żagħżugħ li kienet ġa rat darb’oħra.

Fil-fatt kienet ratu iktar minn darba. Darba, meta ratu għaddej b’kelb sabiħ tar-razza long haired collie, daret fuq oħtha Monica u qaltilha, “Ara kemm hu sabiħ dak il-kelb." Oħtha weġbitha, “Int mhux għall-kelb qed tgħid, imma għal sidu!” Imma mhux hi biss kient intebħet bih, għax darb’oħra kienet ratu miexi fuq in-naħa l-oħra ta’ Strada Rjali, il-Belt, iħares lejha b’għajnejn suwed iniffdu.

Meta ratu quddiem Kordina l-ewwel ħsieb tagħha kien li, tqis li qed jiċċaċċra ma' tfajliet oħrajn, mhux it-tip tagħha. Iżda huwa nqata’ minn ma’ sħabu u resaq lejha. Minn dak inhar beda n-namrar ta’ missieri u ommi.

                                                  *

Missieri kien joqgħod il-Marsa, ġej minn familja Laburista. Meta hu u ommi ltaqgħu, il-familja tagħha – Nazzjonalisti – kienu għadhom kif telqu mill-Belt u marru joqgħodu Gwardamanġa.

Malajr saret taf li hu Laburist. Ix-xahar ta’ qabel – lejn tmiem April, kienu nqalgħu l-irvellijiet. Ommha w missierha tgħidx kemm kienu tkażaw b’dik il-marmalja ta’ slavaġ Laburisti. Issa ommi saret taf li n-namrat tagħha kien wieħed minnhom. Bix-xorti t-tajba għalih – u għaliha – la ndarab u lanqas safa arrestat għax, kif igħid missieri, qatt ma qagħad  f’post wieħed żmien biżżejjed biex jiġbruh il-pulizija ta’ Degray. Jiftakar ukoll kif hu u missieru kienu marru jduru bl-Opel lejn Raħal Ġdid, il-Birgu u Bormla biex jaraw x’qed jiġri fl-inħawi. Ħin minnhom il-ġlied qorob lejhom u biex jiżgiċċaw kellhom jinżlu triq imtarrġa. Weħlu fl-aħħar tliet tarġiet u ż-żgħażagħ dimostranti, li lil missieri kienu jafuh, refgħu il-karozza biex iniżżluha fit-triq.

M’hemmx xi ngħidu, ommi minn dan xejn ma semmiet lil ommha u lil missierha.

                                                  *               

Għal min ma jafx x’kienu l-irvellijiet…

Il-gvern Laburista ta’ Duminku Mintoff – 1955-1958 - kien għaraf li l-Integration mal-Ingilterra ma kenitx sa sseħħ. Mhux biss il-gvern Ingliż kien naqqas mill-flejjes li ta lil Malta imma kien ħabbar ukoll li se jnaqqas bil-kif mill-ħaddiema fit-Tarzna. Ghalhekk il-gvern Laubirista irriżenja fl-24 ta’ April 1958, bis-sejħa għall-indipendenza, jew is-self determination, kif kienu jsejħulha.

Il-Partit organizza l-protesti fit-toroq. Bl-ordni tal-Kummissarju tal-Pulizija Degray, il-pulizja tal-kavallerija attakkat lid-dimostranti. Minkejja l-ordnijiet ta’ Mintoff, li kien baqa’ jmexxi gvern caretaker, Degray għażel li minflok jobdi lill-Gvernatur Ingliż, li ħa f’idejh il-pulizija, xolja l-Parlament u ddikkjara stat ta’ emerġenza.

Il-General Workers Union sejħet strajk ġenerali ta’ protesta ghat-28 ta’ April. Dakinhar ħarġu fit-toroq folol kbar , igħajtu għall-indipendenza. L-irjus saħnu, inħarqu għadd ta’ vetturi u saħansitra anke xi għases tal-pulizija. Degray ordna li joħorġu jattakkawhom il-pulizja, il-kavallerija u l-commandos. Dakinhar iġġarrbu għadd ta’ dimostranti u ħafna oħrajn sfaw arrestati.

                                                 *
Mur għidilhom lil Ċali u lil Victoria, namrati friski, x’kien għad irid jinqala’ u minn xhix kellhom igħaddu.

No comments: