Il-Ġimgħa, 16 ta’ Diċembru 2011

Viva t-“Talibani” tal-ilsien Malti


Evarist Bartolo, il-kelliemi tal-Partit Laburista għall-edukazzjoni, qal li l-Malti m’għandux jibqa’ jintuża għat-tagħlim fl-iskejjel. Minflok l-edukazzjoni jmissha sseħħ biss bl-Ingliż. Imbagħad kompla għaxxaqha meta għajjar lil dawk li ma jaqblux miegħu “Talibani.” Li nesa igħidilna, l-għaref Varist, huwa li fl-Afghanistan kienu t-Talibani li qerdu l-wirt storiku ta’ pajjiżhom, bħalma qed jissuġġerixxi li jagħmel hu f’Malta.


Evarist Bartolo

Il-Partit Laburista u l-ilsien Malti

Għal għexieren ta’ snin, mill-bidu nett tal-Partit tal-Ħaddiema, tista’ tgħid li kien hemm għaqda organika bejn il-Partit u l-ilsien Malti. Fejn in-Nazzjonalisti u l-kleru kienu favur it-Taljan, il-Partit Laburista għaraf l-importanza tal-Malti bħala l-ilsien tal-kotra tal-Maltin ħaddiema. L-ewwel gazzetta tiegħu kienet Il-Kotra, gazzetta bil-Malti. Taħt id-direzzjoni ta’ Gino Muscat Azzopardi u Ġużè Ellul Mercer Il-Kotra nkitbet, mit-twaqqif tagħha fl-1926, bl-ortografija tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti.

Kien mexxej tal-Partit Tal-Ħaddiema – Ġużè Bonnici li, flimkien mal-poeta Rużar Briffa, waqqaf l-Akkademja tal-Malti (Università) fl-1931.

Ġużè Bonnici

Fost il-mexxejja tal-Partit minn dejjem kien hemm kittieba ewlenin li kitbu bil-Malti: Ġużè Bonnici, Ġużè Ellul Mercer, Ġużè Orlando, Gino Muscat Azzopardi, Ġwann Mamo. Kien hemm ħafna oħrajn fi ħdan il-Partit li kkontribwew novelli bil-Malti f’gazzetti bħal Il-Ħmar, Il-Ħmara, Il-Kotra u Doktor Xekkek; fost oħrajn kien hemm Nikol Biancardi, Salvu Pulis, A.M. Galea, John F. Marks, Nazzarenu Carabott u Gaetano Gauci u oħrajn.

Ma ninsewx lil Anthony Mamo, li sar l-ewwel President ta' Malta fl-1974.

Eqreb zmienna hemm Lino Spiteri u Alfred Sant, li għamlu isem mhux biss fil-politika imma anke fil-qasam letterarju.

Ix-Xellug għandu biex ikun tassew kburi.


Allura jkolli nistaqsi: il-Partit Laburista jaqbel mal-kelliemi tiegħu Evarist Bartolo? Ħa nkun ċar: niġi naqa’ u nqum x’jaħseb Joseph Muscat bħala individwu. Li rrid naf huwa x’għandu xi jgħid f’isem il-Partit. Mal-Malti jew kontra l-Malti? Kieku kellu jiġi elett fil-gvern il-Partit, se jibqa’ jżomm l-użu tal-Malti għat-tagħlim fl-iskejjel, jew le?


Ħa nkun ċar biex ħadd ma jgħawwiġli kliemi: m’iniex kontra t-tagħlim ta’ ilsna oħra. Altru! Naqbel ma’ Evarist li t-tfal fl-iskejjel imisshom jitgħallmu tliet ilsna.


Wirt u identità

Malta damet sekli kolonja ta’ ħaddieħor. Minkejja dan, u minkejja li l-klassijiet “għoljin” ippreferew l-ilsna ta’ ħaddieħor, l-ilsien Malti żviluppa bħala lsien uniku. Huwa parti minn dak li jsawwar lill-Maltin bħala Maltin. Huwa l-ilsien li l-parti l-kbira minna nisimgħu minn twelidna.

Tagħrif fuq il-Kitba tal-Malti 1924
M’ilux kont qed naqra l-preżentazzjoni ta’ Noam Chomsky f’Sydney f’Novembru li għadda. Fost oħrajn tkellem dwar l-importanzu tal-ilsien għal dawk il-popli li sfaw maħkumin. Bħala eżempju semma l-poplu Amerikan Indiġenu – il-Wampanoag – li kien tilef u reġa’ kiseb il-lingwa tiegħu:

“Revival of the Wampanoag language has revitalized the tribe. A language is more than just sounds and words. It is the repository of culture, history, traditions, the entire rich texture of human life and society. Loss of a language is a serious blow not only to the community itself but to all of those who hope to understand something of the nature of human beings, their capacities and achievements, and of course a loss of particular severity to those concerned with the variety and uniformity of human languages, a core component of human higher mental faculties.”


Kont taħseb li l-mentalità kolonjali ilna li ħallejnieha warajna, li ż-żmien meta nbaxxu ruħna quddiem l-Italja u l-Ingilterra ilu li għadda. Allura issa sibna sid barrani ieħor – il-Globalizzazzjoni?


Fiż-żmien li l-klassijiet professjonisti u l-kleru kienu ffissati fit-Taljan u mqabbdin ma djul Mussolini, il-Malti kien mitqies bħala l-ilsien tal-kċina. Jekk issa l-Malti ma jibqax jintuża biex it-tfal jitgħallmu suġġetti oħrajn bih, did-darba mhux biss jispiċċa fil-kċina, imma aktarx jgħosfor għal kollox. Iktar u iktar meta tqis f’liema stat ħażin jinsab il-Malti mitkellem illum.


Parti essenzjali mill-ħidma biex inwarrbu l-effetti tal-kolonjaliżmu huwa li l-poplu jibda jistma lilu nnifsu. U biex jagħmel hekk irid jagħraf japprezza l-ilsien tiegħu. Din mhix sempliċi kwistjoni ta’ kburija, għalkemm importanti li nkunu jew li nsiru kburin b’dak li hu tajjeb fina. Lanqas mhi biss kwistjoni li nfittxu dak li jagħmilna differenti minn ħaddieħor, għalkemm lanqas ma jfisser li nwarrbu dak li hu tagħna. Ifisser li jekk ma ngħożżux dak li hu tagħna, allura ovvju li ma nistmawx lilna nfusna: stat imwiegħer li kull poplu maħkum jissielet kontrih biex ikun jista’ jieħu rajh f’idejh.

Ħasra li dawn l-argumenti qed ikollna nerġgħu nisħqu fuqhom fi tmiem is-sena 2011.


Ħsibijiet dwar prinċipji tat-tagħlim

1984 - Żieda mat=Tagħrif
F’artiklu jismu “The Mother-Tongue Dilemma in Education Today”, fil-Folju numru 6 Lulju-Settmbru tal-Education Sector Newsletter tal-UNESCO naqraw:

“Years of research have shown that children who begin their education in their mother tongue make a better start, and continue to perform better, than those for whom school starts with a new language.”

1992 - Aġġornament tat-Tagħrif fuq il-Kitba tal-Malti (1924)

Hemm raġunijiet pedagoġiċi sodi għala huwa importanti li t-tfal fl-isklola l-ewwel jibdew jitgħallmu b’ilsienhom, mhux b’ilsien barrani. Il-ħila tal-moħħ biex jaħseb tibda tiżviluppa fl-ilsien nativ, l-ilsien li jitwieldu bih, biex ngħidha hekk. Meta t-tfal jaslu biex jibdew l-iskola, huwa dan l-ilsien li jafu jitkellmu u jaħsbu bih. Allura huwa b’dan l-ilsien li se jkunu kapaċi jitgħallmu kunċetti ġodda, i.e. is-suġġetti tal-iskola. U huwa bl-ilsien li ġa jafu jitkellmuh li se jkunu kapaċi jifhmu u jitgħallmu l-proċess tal-qari u l-kitba. Jiġifieri se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dak li ġa jafu biex bih jitgħallmu ħwejjeġ ġodda.

Nafu li t-tfal kapaċi jitgħallmu jitkellmu b’iktar minn ilsien wieħed biss. Allura l-introduzzjoni ta’ ilsna oħra jista’ jibda minn żmien bikri; imma bħala suġġett għalih waħdu biss, u għall-ewwel fuq livell mitkellem biss. Mhux bħalma jagħmlu għadd ta’ skejjel, li mill-ewwel jum fl-iskola t-tfal mistennijin jitgħallmu s-suġġetti kollha (ħlief forsi l-Malti) bl-Ingliż.

Ladarba jaqbdu sewwa s-suġġetti kollha bil-Mali mitkellem u miktub, u jkunu qabdu art bl-Ingliż mitkellem, jkunu jistgħu jibdew jitgħallmu jaqraw u jiktbu bl-Ingliż.

2008 - Deċiżjonijiet 1

Meta fl-aħħar ikun deċiż li jridu jibdew jitgħallmu xi suġġetti bl-Ingliż, issa jkunu kapaċi jifhmu x’inhuma jitgħallmu. U mhux jeħlu fl-eżamijiet għax mhux kapaċi jifhmu l-mistoqsijiet.


Lejn tagħlim aħjar

Jekk it-tfal, fl-iskejjel, jitgħallmu l-Malti biss bħala lsien, jekk għat-tagħlim ta’ suġġetti oħrajn jużaw biss l-Ingliż, il-parti l-kbira tagħhom lill-Malti se jarawh bħala lsien tat-tieni klassi. U ftit ftit jibdew iwarrbuh għax jassumu li m’hemmx ħtieġa tiegħu, li bih mhumiex se jagħmlu progress, mhumiex se jimxu ‘l quddiem fil-ħajja. Avolja l-Ingliż aktarx ma jkunux tgħallmuh sewwa.

Għall-kuntrarju, jekk il-Malti jitgħallmuh sewwa bl-użu tiegħu fis-suġġetti kollha, allura se jkunu jistgħu jitgħallmu ħafna aħjar kemm l-Ingliż kif ukoll ilsna oħrajn.


Il-Ġimgħa, 4 ta’ Novembru 2011

Malta għall-bejgħ

Meta l-parlament ġie biex jivvota fuq l-abbozz ta’ liġi dwar iż-żieda fis-self lill-Greċja kif propost mill-ftehim Il-Faċilità għall-Istabbilta Finanzjarja Ewropeja, Wenzu Gonzi u l-gvern tiegħu ma stennewx li Alfred Sant se joħloq l-intoppi. Sant kellu raġunijiet sodi għall-oġġezzjonijiet tiegħu; kien qed jinsisti li jkun hemm dibattitu u vot għar-ratifikazzjoni tal-ftehim bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropeja.

Dan kien il-kliem ta’ Sant fl-għeluq tal-intervent tiegħu:

“Inħoss li is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli f’pajjiż demokratiku… Fi żmien meta parlamenti Ewropej oħrajn – anke dak tal-Germanja – qed jagħmlu ħilithom biex jissalvagwardjaw l-integrità u s-sovranità tagħhom, għallinqas imissna niżguraw li aħna nimxu f’linja dritta fejn jidħlu l-liġijiet tagħna.” (Kwotazzjoni maqluba għall-Malti mit-test meħud minn rapport fil-MaltaToday.)

Ir-risposta ta’ Gonzi kixfet il-mentalità kemm tiegħu u kemm tal-partit tiegħu. Minflok li apprezza l-importanza tal-oġġezzjoni ta’ Sant, Gonzi ħadha qatta’ bla ħabel kontrih għax ħassu umiljat meta rċieva telefonati minn “ambaxxaturi importanti” jistaqsuh għala d-dewmien fil-vot.

Tipikament ħaseb fl-interess tal-barrani, u mhux f’dak ta’ Malta. ħaġa li ma tiskantanix. Dal-partit minn ġuf ommu kien qaddej tal-barrani. Bħala l-Partito Nazionalista l-Patria għalih ma kenitx Malta imma l-Italja. Mhux biss. Mar-rebħa ta’ Mussolini fl-Italja dal-partit intrabat mal-Faxxisti, appoġġja lil Mussolini u lill-Balilla (iż-żgħażagħ faxxisti.) Dan l-appoġġ intemm mat-Tieni Gwerra Dinjija, meta Nerik Mizzi u oħrajn sfaw eżiljati fl-Uganda. (Għalkem ta’ min isemmi li s-sentimenti ta’ wħud baqgħu ma nbidlux; għad hemm min igħożż il-bust ta’ Mussolini f’daru.)

Wara l-gwerra sabu sid ieħor: il-Gvern Ingliż.

Min-naħa tiegħu l-Malta Labour Party taħt it-tmexxija ta’ Mintoff fil-ħamsinijiet ħareġ bl-għajta ta’ Integrazzjoni jew Indipendenza. Meta Mintoff għaraf li l-Ingliżi ma riedu b’xejn jaċċettaw l-integrazzjoni sħiħa ta’ Malta (jiġifieri bi drittijiet kollha għall-Maltin li kellhom l-Ingliżi nfushom) mexxa l-ġlieda għall-indipendenza. U hawn sab l-oppożizzjoni tal-Knisja u tal-Partit Nazzjonalista. Biex imbagħad, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru George Borġ Olivier, Malta kisbet l-hekk imsejħa Indipendenza, bir-Reġina tibqa’ ssaltan, bi Gvernatur Ingliż, b’bażi militari Ingliża u tan-NATO, u tista’ tgħid kollox baqa’ f’idejn l-Ingliżi.

Kemm ilu fil-gvern il-PN, mill-1987 ‘l hawn, rajna l-istess attitudni lejn il-barrani. Kull ma setgħu jbiegħu biegħuh, inkluż it-Tarzna u s-Sea Malta. Kemm se jdumu biex ibiegħu lill-Air Malta?

Ngħidu x’ngħidu bi kritika kontra Mintoff, dal-mexxej Laburista dejjem saħaq fuq il-motto ‘Malta l-ewwel u qabel kollox.’ Lill-Ingliżi waqfilhom malli ġie elett fl-1971. U laħaq ftehim magħhom biex l-aħħar truppi jitilqu minn Malta fl-1979.

Wera l-istoffa tiegħu fil-qasam internazzjonali għadd ta’ drabi. Inkluż meta għaraf lill-gvern taċ-Ċina qabel ma tawha l-għarfien tagħhom il-gvernijiet tal-Punent. Daħħal lil Malta fil-Moviment tal-Pajjiżi Mhux Allinejati. Fl-1983 webbes rasu u ma ħalliex jintlaħaq ftehim fil-Konferenza fuq Is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa qabel ma l-pajjiżi l-oħrajn jaċċettaw il-prinċipju li s-sigurtà fl-Ewropa teħtieġ is-sigurtà fil-Mediterran.

Dik is-sena jiena nzertajt kont qed nistudja f’Tuneż għal sitt ġimgħat fis-sajf. Konna grupp internazzjonali ta’ żgħażagħ miġburin f’bitħa u wieħed mis-Senegal, li kien qed jaqra l-gazzetta Le Monde, urieni artiklu fejn l-editur maqdar lil Mintoff u staqsa għala pajjiż daqs tikka jitħalla’ jwaqqaf il-ftehim? Ovvjament lis-Senegaliż weġibtu li Malta hija pajjiż indipendenti u sovran u għandha l-istess drittijiet daqs kwalunkwe pajjiż ieħor.

Mhux se jkun Gonzi li jrabbi sinsla bġal din. Meta faħħritu Hilary Clinton dan l-aħħar tgħidx kemm xejru denbu. Ċinga u kullar kien jonqsu. Fetch, Fido, fetch!

Il-Ġimgħa, 19 ta’ Awwissu 2011

Jedd il-Lsien Malti

GĦALIEX? Jedd il-Lsien Malti
Għaliex tarmih il-lsien li tatek ommok,
u titlef għaqlek wara lsien barrani?
Maltija kienet l-ewwel kelma f’fommok,
u bil-Malti tkellimt tifel daħkani.

U kiber miegħek dak il-lsien ewlieni,
u ġmielu ntiseġ mal-ġrajjiet ta’ ħajtek:
bih fissirt qalbek meta sfajtli hieni,
bih fissirt għommtok meta mbikki rajtek.

Għaliex immela tiċħad, Malti ħija,
lil dan il-lsien li bih int Malti sewwa?
ħobb, jekk jiswewlek, l-ilsna barranija,
iżda le tbarri lil min hu ta’ ġewwa.

Dun Karm Psaila


Meta kont għadni Malta konna nitkażaw b’dawk li kienu jitkellmu b’ħafna Ingliżati. Dak iż-żmien konna nassoċċjaw dawn in-nies mal-inħawi ta’ Tas-Sliema. Fil-25 sena li għaddew minn mindu ġejt l-Awstralja jidhirli li dal-fenomenu ikreh infirex ma’ Malta kollha.

Kull nhar ta’ Ħadd niftaħ it-televiżjoni biex nara l-aħbarijiet minn Malta fuq l-istazzjon SBS. U hemm nisma’ l-aħjar u l-agħar tal-użu tal-Malti. L-agħar jidher ċar mill-vox pops, meta jiġu intervistati n-nies fit-triq. L-għażż mentali jispikka. Fi żmieni f’Malta kont nisma’ kliem bħal ‘ninnokkja’ minflok “inħabbat.” Illum wisq agħar. Kieku nisma’ sentenza waħda li hi waħda bil-Malti biss, minflok tħarbix b'kelmtejn bil-Malti u l-bqija bl-Ingliż!

Mhux qed nipproponi l-użu ta’ xi Malti pur – dik hija ħrafa fi kwalunkwe lsien, aħseb u ara fil-Malti. Imma fejn għandek kelma Maltija għala tfittex iddaħħal kelma bl-Ingliż? Biex titkessaħ? Biex tiżżattat? Forsi għax wisq Maltin ma tantx jaqraw bil-Malti? U forsi għax dak li jaqraw fil-gazzetti mhuwiex Malti mirqum biżżejjed? U dak li jsimgħu fuq it-televiżjoni huwa mħarbat? U forsi minħabba f’hekk qed jitgħallmu ħażin u ma jagħmlux sforz irawmu użu aħjar tal-ilsien Malti?

Imbagħad issib min jitkellem biss bl-Ingliż – uħud għax hekk trabbew id-dar; oħrajn għax hekk iridu – forsi għax jaħsbu li l-barrani se jiggustahom u jammirahom. Mur għidilhom, nies bħal dawn, kemm il-barrani jidħak bihom minn wara darhom għax dak li hu tagħhom jistmerruh!

Kemm ili l-Awstralja, milli nara u naqra fl-aħbarijiet, f’Malta seħħu bidliet kbar. Fost dawn hemm l-għadd ġmielu ta’ rifuġjati, l-iktar mill-Afrika. Bqajt mistagħġeb meta smajt uħud minn dawn in-nies, li ilhom Malta biss ftit snin, jitkellmu bil-Malti – tgħallmuh kemm ilhom hemm. Iva allura nies imwelldin Malta minn ġenituri Maltin mhux kapaċi jitgħallmu jitkellmu b’ilsienhom?

Għiduli li tridu, imma skuża m’hemmx.

M’ilux smajt lil Manwel Mifsud, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, igħid li fil-fatt l-użu tal-Malti qed imur għall-aħjar. Tassew nittama li hekk hu.

Il-Ħadd, 24 ta’ Lulju 2011

Ebda privileġġi kostituzzjonali għall-knisja


Meta kont fis-Sixth Form is-Surmast fettillu jintroduċi lezzjoni tar-reliġjon darba fil-ġimgħa. Kienet obbligatorja. Kien akkanit ir-raġel! Xejn m’għoġbitni l-biċċa. Tkellimt ma wħud minn sħabi u mort nara lis-Surmast. F’idi kelli kopja tal-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1974, jiġifieri il-Kostituzzjoni ta’ Malta Repubblika taħt il-gvern Laburista ta’ Mintoff. Lis-Surmast għarraftu li ma qbiltx li dil-lezzjoni tkun obbligatorja. Ma kellha xejn x’taqsam mal-kurrikulu tal-istudenti. Ried jew riedx kellu jaqbel miegħi li ma tibqax obbligatorju, u żied igħidli li din tkun fuq il-kuxjenza tiegħi. Tgħidx kemm inkwetajt – mill-ewwel mort waħħalt avviż għall-istudenti kollha.

Il-Kostituzzjoni ħadtha miegħi għax artiklu 40 jagħti d-dritt lil kull min għalaq is-sittax-il sena li jagħżel li ma jirċivix tagħlim reliġjuż. Il-ġenituri għandhom ukoll id-dritt ta’ din l-għażla għal tfal taħt is-sittax-il sena.

Bidla oħra li seħħet taħt il-gvern Laburista kienet is-separazzjoni bejn żwieġ ċivili u dak reliġjuż. Iż-żwieġ ċivili kien obbligatorju (għal min irid jiżżewweġ, ovvjament) mentri ż-żwieġ reliġjuż seta’ jidħol għalih min irid.

Iżda b’rigward ir-reliġjon ir-riforma kostituzzjonali waqfet hawn. Fil-bidu tas-snin tmenin l-attentat biex nibnu moviment favur id-divorzju miet f’ġuf ommu.

Minħabba f’Artiklu 2 il-Knisja u r-reliġjon Kattolika baqgħu ipprivileġġjati.
Ftit tas-snin wara, meta kont l-Università tal-Qroqq, niftakarni nargumenti ma’ wħud minn sħabi – fosthom żewġ studenti Ġiżwiti – li, biex il-Maltin kollha jkunu ugwalment ċittadini, Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni jrid jitwarrab. B’xejn ma setgħu jifhmuni, jew forsi ma qablilhomx jifhmuni. Għax wara kollox bħala Kattoliċi dan l-Artiklu lilhom ma weġġagħhomx. Għalija, li kont ateju, il-problema kienet ovvja. Min naħa l-istess Kostituzzjoni, f’Artiklu 32, tistqarr li “kull persuna f’Malta hija intitolata għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu… tkun xi tkun ir-razza, post ta’ oriġini, fehmiet politiċi, kulur, twemmin jew sess tagħha…” Min-naħa l-oħra lill-Knisja Kattolika tipprivileġġjaha. Kontradizzjoni.

Eddie Fenech Adami, bħala Prim Ministru ta’ Malta, ma kienx kuntent b’dan. Fl-1995 iffirma Konkordat ġdid mal-Vatikan li bih ta iktar privileġġi lill-Knisja. Fost dawn hemm il-privileġġ li deċiżjonijiet tal-qrati tal-Knisja b’rigward l-annullament jingħataw għarfien uffiċċjali mill-Istat.

Tul l-aħħar ftit tas-snin snin bosta bdew jagħrfu l-problemi li dan il-privileġġ joħloq.

Biċċa ċuċ patri mill-Mosta ra pupu tal-ħwejjeġ (mannequin) għarwin f’tieqa ta’ ħanut, u mar jiġri għand il-pulizija biex dal-pupu jitwarrab minn għajn in-nies, li ma jmurx jagħti xi skandlu. U dawn, m’hemmx xi ngħidu, qdewh mill-koxxa.

Klikka nies telgħu n-Nadur Għawdex għall-karnival. Libsu ta’ reliġjużi u waħlu wkoll ma qaddhom ‘żbub’ foloz, kbar esaġerati. Bniedem normali jgħid, bejnu w bejn ruħu, “Allura, x’fiha? Mhux il-Karnival, meta suppost kulħadd jista’ jitnejjek b’kulħadd?” Imma l-Knisja ratha mod ieħor - u waħħlitulhom hi. Erġa mur ġib il-pulizija! (għax ovvjament dawn m’għandhom xejn x’jagħmlu.)

Mark Camilleri, editur tal-magażin studentesk Ir-Realtà – talab novella m’għand il-kittieb Alex Vella Gera. U xi storja tah! Qraha l-kappillan tal-Università li tkaża tant biha li mar jiġri għand il-papà, cioè ir-Rettur. Dan imbagħad bagħad għall-pulizja (dawn tassew, imsieken, ikollhom jaħdmu għall-pappa. Im’nalla kienet il-Knisja, għax kienu jisġiċċaw qegħda.)

Flejt kemm flejt il-gazzetti biex nara kemm-il qassis u patri mar jiġri għand il-pulizija biex jirrapporta abbużi kontra t-tfal, xejn ma sibt. Bqajt b’xiber imnieħer. Ikolli naħseb li dawn l-affarijiet f’Malta Kattoliċissima ma jsirux.

Imma fl-aħħar il-Knisja għamlet żball kbir, li sploda f’wiċċha qisu murtal tal-festa ta’ Kristu Rxoxt. Uriet il-veru wiċċ mimli ħdura tagħha fir-referendum dwar id-divorzju. U fost ħafna Maltin – u did-darba mhux Laburisti biss – tilfet kull rispett.

Tant li, fejn darba kien wieħed waħdani – l-attivist gay Patrick Attard – li skomunika lilu nnifsu mill-Knisja, issa hemm grupp sħiħ – Mhux F’Ismina - li qed iniedi kampanja għal dwak li ma jridux jitqiesu iktar membri tal-Knisja. Bħalma darba, fl-1976, kien għamel il-kittieb Ġermaniż Heinrich Böll. J’Alla (sic) jiżdiedu nies bħal dawn.

Il-kampanja tagħhom hija wkoll immirata kontra l-privileġġi tal-Knisja, għat-tneħħija ta’ Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni. U biex din isseħħ irid ikun hemm għadd ta’ kampanji li flimkien iwasslu biex l-awtorità tal-Knisja tiddgħajjef. Per eżempju kampanja favur għarfien ta’ relazzjonijiet gay u leżbjani u kampanja kontra l-Konkordat ta’ EFA mal-Vatikan.

Nagħlaq bi storja li kien qalhieli komunist Grieg meta kont għadni żagħżugħ Malta. Il-Knisja Griega Ortodossa minn dejjem għarfet id-dritt tad-divorzju, sakemm dan kien ikkontrollat minnha. Wasal iż-żmien meta l-gvern Grieg ried jintroduċi id-divorzju ċivili. Tistgħu taħsbu kif irreaġiet il-Knisja. Ma tarawx, jekk għandhiex titlef il-monopolju tagħha fuq id-divorzju!

Allura dawk li kienu favur id-divorzju ċivili x’għamlu? Għal sitt xhur sħaħ, kuljum imqaddes, f’gazzetta jew oħra – hiex liberali, soċjalista jew komunista -kixfu skandlu sesswali wara ieħor ta’ patrijiet Ortodossi.

Il-vot favur id-divorzju ċivili għadda.

Hekk jeħtieġ isir f’Malta.

Il-Ġimgħa, 1 ta’ Lulju 2011

Il-knisja Maltija ħaqqha kull stmerrija




“The Spaniards thrust on us the greatest
        supersition the world has ever known   
 – the Catholic Church”                        
– Pancho Villa

Fil-bloggata tal-Erbgħa 17 ta’ Novembru 2010 Mark Montebello mill-Messiku kiteb hekk dwar Benito Juárez, President tal-Messiku fis-seklu dsatax:

Benito Juarez (1806-1872)
“This Juárez is a really interesting figure. He was a Zapotec Indian from Oaxaca, the first full-bloodied indegenous national ever to serve as President of Mexico and to lead a country in the Western Hemisphere. He had no military background. As President, he resisted the French Occupation, overthrew the Empire, restored the Republic, and used liberal efforts to modernize the country. Amongst these efforts one might mention the expropriation of church lands, bringing the army under civilian control, liquidation of peasant communal landholdings, the separation of church and state in public affairs, and also the almost complete disenfranchisement of bishops, priests, nuns and lay brothers.

“Together with Hidalgo and Zapata, Juárez is one of the main Mexican public figures which I admire very much.”
Mela dal-persunaġġ li Mark Montebello tant jammira kien risponsabbli għas-separazzjoni bejn stat u knisja, ħataf l-artijiet tal-knisja u neħħa l-jeddijiet tal-isqfijiet, patrijiet, sorijiet u fratelli. Tassew ta’ min jammirah.

Iżda mbagħad, fil-bloggata tiegħu minn Malta nhar il-Ħadd 5 ta’Ġunju 2011, jikteb hekk:

“Sfortunatment, tul il-kampanja [dwar id-divorzju] ntwera għadab partikularment qares għall-Knisja. Xi wħud milli esprimewh ma jemmnux f’Alla u, għaldaqstant, l-istmerrija tagħhom (għalkemm aktarx nieqsa minn sentimenti ta’ tolleranza) tista’ tiġi mifhuma.”

Ngħid għalija ma nistax nifhem kif minn naħa jammira bniedem li kellu l-qlubija u l-ħila jrażżan lill-knisja fil-Messiku, u minn oħra jisgħobbih għall-għadab kontra l-knisja f’Malta, meta ż-żewġ knejjes kienu/huma daqstant jixxiebħu fil-kilba għall-poter assolut, l-appoġġ għal gvernijiet anti-demokratiċi, il-ħarsien tal-ġid tagħhom u t-tagħlim tad-dommi tal-fidi għad-dannu tan-nies.

U hawn nixtieq nagħmilha ċara li jien, għalkemm ateju, nirrispetta d-dritt tat-twemmin għal min jixtieq jemmen. Dejjem sakemm jintgħaraf ukoll id-dritt li min jixtieq jista’ ma jemminx, u sakemm il-knisja u l-fidi Nisranija ma jkunux ipprivileġġjati. Nirrispetta wkoll lil dawk l-Insara li l-fidi tagħhom hija bbażata fuq il-ġustizzja soċjali. Għaldaqstant hemm ħafn’ iktar inkomuni bejni u Nisrani xellugi milli hemm bejni u ateju lemini. Imma dar-rispett ma nagħtihx lill-knisja bħala istituzzjoni reazzjonarja. Iwara kollox in-nuqqas ta’ tolleranza ma kienx ġej mill-ateji imma mill-knisja. Il-kampanja kontra d-divorzju, fi stat li fis-sena 2011 għad ma jagħrafx id-dritt ċivili tad-divorzju minħabba l-oppożizzjoni tal-knisja, tmexxiet primarjament mill-partit konfessjonali li jinsab fil-gvern – il-Partit Nazzjonalista – u l-knisja Kattolika Maltija.


Knisja u PN - konfoffa waħda













Lanqas ma nista’ nifhem għala jqis li l-għadab qares għall-knisja kien sfortuna. Wara kollox huwa stess, fi bloggata oħra li kiteb nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2011, esprima d-dispjaċir qawwi tiegħu għal li għamlet il-knisja Maltija waqt il-kampanja tar-referendum.

Il-fatt jibqa’ li l-knisja Maltija ħaqqha l-istmerrija ta’ kull demokratiku. Sakemm iċċedi l-poteri tagħha ma narax għala, ateji jew le, għandna nkunu tolleranti ta’ istituzzjoni qawwija u dittatorjali li ma turi ebda ħjiel ta’ rispett jew tolleranza.


It-Tnejn, 13 ta’ Ġunju 2011

Ir-referendum dwar id-divorzju: l-għajb tal-Knisja

Min qatt kien jobsor li eżatt f’għeluq il-50 sena mill-Interdett il-Knisja kellha terġa’ taqa’ f’dak il-ħama? Min kien jobsor li l-Knisja għad terġa’ tasal biex thedded il-dnub il-mejjet – fis-sena 2011?

Il-prinċpijiet medjevali ta' Malta fl-2011 - l-Arċisqof Pawlu
Cremona u l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech.


Fis-Sittinijiet minn naħa kont tistenna dak li għamlet il-Knisja. Malta kienet għadha kolonja. Bejniethom il-Knisja u l-gvern kolonjali Ingliż żammew Malta lura fl-interess tal-poter tagħhom. Minn żmien il-Franċiżi, sa Manwel Dimech, sal-ġlieda għall-indipendenza, il-Knisja u l-Ingliżi ħadmu id f’id biex iżommu lill-Maltin taħt il-ħakma tagħhom.

L-Indipendenza m’għamlet ebda differenza. Għax il-Knisja u l-PN baqgħu żewġ naħat tal-istess munita. Kien il-MLP li baqa’ l-għadu tal-attitudni medjevali tal-Knisja. Meta fl-aħħar tneħħa l-Interdett u l-MLP ġie elett fil-1971, bdew jitwettqu għadd ta’ bidliet. Malta saret Repubblika u twarrbet dik il-farsa fejn Malta Indipendenti baqgħet b’reġina u gvernatur Ingliżi. In-NATO tqaċċtet ‘il barra. Il-gvern Malti ħa f’idejħ il-port, il-mitjar, ix-xandir – li taħt gvern Nazzjonalista baqgħu f’idejn l-Ingliżi.

Kien hemm bidliet oħrajn importanti li laqtu lill-Knisja fil-laħam il-ħaj. Iddaħħal iż-żwieġ ċivili; il-ġenituri setgħu jagħżlu li t-tfal ma jitgħallmux reliġjon fl-iskola; żgħażagħ li jagħlqu s-sittax setgħu jagħżlu x’jemmnu u ma jemmnux…

Iżda l-bidliet sekulari kienu limitati. Il-twemmin Kattoliku baqa’ t-twemmin uffiċjali tal-pajjiż kif inhu miktub fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta. Id-divorzju baqa’ ma ġiex introdott. It-tagħlim tar-reliġjon ma tneħħiex mill-iskejjel tal-istat. Fi kliem ieħor il-privileġġi tal-Knisja ma tneħħewx għall-aħħar. Kien biss fl-1984 li l-gvern Laburista beda tilwima mal-Knisja dwar l-iskejjel privati, bl-islogan “Jew b’xejn, jew xejn.” Sfortunatament dil-ġlieda seħħet fost ħafna abbużi koroh mill-istess gvern Laburista. (Għalkemm ta’ min iżid li l-PN me kienx innoċenti għal-aħħar, lanqas.)
Hemm min bassar li meta kien intlaħaq ftehim bejn Duminku Mintoff u Mikiel Gonzi biex jintemm l-Interdett, dal-ftehim intlaħaq għax Mintoff aċċetta li ċerti affarijiet ma jagħmilhomx jekk jiġi elett – fosthom l-introduzzjoni tad-divorzju.

Iżda l-progress limitat li seħħ taħt l-MLP malajr twarrab mal-elezzjoni tal-PN fl-1987. Il-gvern Nazzjonalista reġa’ ta lura għadd ta’ privilieġġi lill-Knisja fuq il-bażi ta’ ftehim mal-Vatikan.

Għalhekk m’hemmx biex niskantaw li fil-kampanja tar-referendum dwar id-divorzju l-gvern Nazzjonalista u l-Knisja ngħaqdu kontra d-divorzju.

Il-ħasra hi li l-mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat beża’ jorbot lill-partit favur id-divorzju. Bil-vot tar-referendum il-Knisja qalgħet daqqa’ ta’ ħarta ġmielha. Biex isir il-progress soċjali f’Malta l-Knisja trid tiddgħajjef. Imma min jista’ jorbot fuq il-Partit Laburista meta 'l quddiem il-poplu Malti jitfaċċa ġlidiet oħrajn għall-ġustizzja soċjali?

Kienet l-Alternattiva Demokratika biss li ħarġet favur id-divorzju bħala partit.

Allura nistgħu ngħidu li biex iseħħ iktar progress iridu jkunu movimenti indipendenti mill-partiti, iżda bl-appoġġ tal-progressivi kollha, li jagħmlu l-għalmu tagħhom biex jirbħu minkejja l-PN, il-Knisja u l-konservattivi fi ħdan il-PL.

It-Tnejn, 3 ta’ Jannar 2011

Ir-Rebħa - l-elezzjoni tal-1971


L-elezzjoni tal-1971 kienet l-ewwel elezzjoni ħielsa u ġenwina fl-istorja ta’ Malta. La kienet imxekkla mill-awtoritajiet Ingliżi u lanqas mill-Knisja, issa mrażżna – fl-aħħar! – mill-Vatikan.

U l-MLP, mingħajr id-dnub il-mejjet, rebaħha. Il-Partit Nazzjonalista, mingħajr il-Knisja tagħtih palata, tilifha.

Għalija u għall-familja tiegħi din l-elezzjoni ġabet ħafna ferħ. Kollna kemm aħna ħdimna u tajna sehmna għar-rebħa, anke jien.

                                             *

in-nanna Karmena
Niftakar li, għall-elezzjoni, sibt biċċtejn drapp, waħda bajda u waħda ħamra. Qtajt biċċa minn kull waħda bl-imqas. Imbagħad, b’labra w ħajta, ippruvajt inħithom flimkien biex nagħmel bandiera Maltija. Ma kienx fiha x’tara – bilkemm kienu jżommu flimkien il-biċċtejn drapp, b’kull punt fih daqs pulzier jew tnejn!

L-għada n-nannu Duminku ħa l-bandiera f’idejh, qata’ l-ħjata u reġa’ qata’ l-biċċtejn drapp, did-darba sura ta’ nies. Meta lesta n-nanna Karmena poġġiet mal-magna tal-ħjata, li kienet titħaddem bis-sieq, u ħitithomli flimkien. Issa kelli bandiera vera.

Pinġejt l-arma tal-MLP fuq biċċa karta u waħħaltha mal-bandiera. Waħħalt il-bandiera ma lasta tal-ixkupa. Imbagħad sibt lumija tal-plastik - lumija għall-Partit Nazzjonalista - u dendiltha mal-lasta .

Tgħidx kemm ġrejt biha fit-toroq tal-Marsa!

                                             *

Jum l-elezzjoni niftakar lin-nannu, lil missieri u liz-ziju Ġorġ bilqiegħda madwar il-mejda jisimgħu r-riżultati tal-għadd tal-voti deħlin ftit ftit minn fuq ir-Rediffusion. Fuq il-mejda kellhom karta kbira mifruxa li fuqha kienu qed jimmarkaw il-voti.

U meta rbaħna tistgħu taħsbu xi storbju u xi plejtu għamilna, u kemm ġrejna mat-toroq u bil-karozza biex niċċelebraw u ninfexxu fil-ferħ li kellna.

Tgħidx kemm xejjirtha l-bandiera!

                                             *

in-nannu Duminku
Din kient waħda mill-aħħar memorji li għandi tan-nannu. Miet is-sena ta’ wara. Miet bil-mard. Imma meta niftakar fih ngħid f’qalbi li għallinqas fl-aħħar sena ta’ ħajtu ħa ferħa waħda kbira wara dawk is-snin kefrin.

B’hekk tintemm l-istorja tal-familja tiegħi ta' żmien l-Interdett.