Il-Ġimgħa, 19 ta’ Awwissu 2011

Jedd il-Lsien Malti

GĦALIEX? Jedd il-Lsien Malti
Għaliex tarmih il-lsien li tatek ommok,
u titlef għaqlek wara lsien barrani?
Maltija kienet l-ewwel kelma f’fommok,
u bil-Malti tkellimt tifel daħkani.

U kiber miegħek dak il-lsien ewlieni,
u ġmielu ntiseġ mal-ġrajjiet ta’ ħajtek:
bih fissirt qalbek meta sfajtli hieni,
bih fissirt għommtok meta mbikki rajtek.

Għaliex immela tiċħad, Malti ħija,
lil dan il-lsien li bih int Malti sewwa?
ħobb, jekk jiswewlek, l-ilsna barranija,
iżda le tbarri lil min hu ta’ ġewwa.

Dun Karm Psaila


Meta kont għadni Malta konna nitkażaw b’dawk li kienu jitkellmu b’ħafna Ingliżati. Dak iż-żmien konna nassoċċjaw dawn in-nies mal-inħawi ta’ Tas-Sliema. Fil-25 sena li għaddew minn mindu ġejt l-Awstralja jidhirli li dal-fenomenu ikreh infirex ma’ Malta kollha.

Kull nhar ta’ Ħadd niftaħ it-televiżjoni biex nara l-aħbarijiet minn Malta fuq l-istazzjon SBS. U hemm nisma’ l-aħjar u l-agħar tal-użu tal-Malti. L-agħar jidher ċar mill-vox pops, meta jiġu intervistati n-nies fit-triq. L-għażż mentali jispikka. Fi żmieni f’Malta kont nisma’ kliem bħal ‘ninnokkja’ minflok “inħabbat.” Illum wisq agħar. Kieku nisma’ sentenza waħda li hi waħda bil-Malti biss, minflok tħarbix b'kelmtejn bil-Malti u l-bqija bl-Ingliż!

Mhux qed nipproponi l-użu ta’ xi Malti pur – dik hija ħrafa fi kwalunkwe lsien, aħseb u ara fil-Malti. Imma fejn għandek kelma Maltija għala tfittex iddaħħal kelma bl-Ingliż? Biex titkessaħ? Biex tiżżattat? Forsi għax wisq Maltin ma tantx jaqraw bil-Malti? U forsi għax dak li jaqraw fil-gazzetti mhuwiex Malti mirqum biżżejjed? U dak li jsimgħu fuq it-televiżjoni huwa mħarbat? U forsi minħabba f’hekk qed jitgħallmu ħażin u ma jagħmlux sforz irawmu użu aħjar tal-ilsien Malti?

Imbagħad issib min jitkellem biss bl-Ingliż – uħud għax hekk trabbew id-dar; oħrajn għax hekk iridu – forsi għax jaħsbu li l-barrani se jiggustahom u jammirahom. Mur għidilhom, nies bħal dawn, kemm il-barrani jidħak bihom minn wara darhom għax dak li hu tagħhom jistmerruh!

Kemm ili l-Awstralja, milli nara u naqra fl-aħbarijiet, f’Malta seħħu bidliet kbar. Fost dawn hemm l-għadd ġmielu ta’ rifuġjati, l-iktar mill-Afrika. Bqajt mistagħġeb meta smajt uħud minn dawn in-nies, li ilhom Malta biss ftit snin, jitkellmu bil-Malti – tgħallmuh kemm ilhom hemm. Iva allura nies imwelldin Malta minn ġenituri Maltin mhux kapaċi jitgħallmu jitkellmu b’ilsienhom?

Għiduli li tridu, imma skuża m’hemmx.

M’ilux smajt lil Manwel Mifsud, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, igħid li fil-fatt l-użu tal-Malti qed imur għall-aħjar. Tassew nittama li hekk hu.

No comments: