Meta kont fis-Sixth Form is-Surmast fettillu jintroduċi lezzjoni tar-reliġjon darba fil-ġimgħa. Kienet obbligatorja. Kien akkanit ir-raġel! Xejn m’għoġbitni l-biċċa. Tkellimt ma wħud minn sħabi u mort nara lis-Surmast. F’idi kelli kopja tal-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1974, jiġifieri il-Kostituzzjoni ta’ Malta Repubblika taħt il-gvern Laburista ta’ Mintoff. Lis-Surmast għarraftu li ma qbiltx li dil-lezzjoni tkun obbligatorja. Ma kellha xejn x’taqsam mal-kurrikulu tal-istudenti. Ried jew riedx kellu jaqbel miegħi li ma tibqax obbligatorju, u żied igħidli li din tkun fuq il-kuxjenza tiegħi. Tgħidx kemm inkwetajt – mill-ewwel mort waħħalt avviż għall-istudenti kollha.
Il-Kostituzzjoni ħadtha miegħi għax artiklu 40 jagħti d-dritt lil kull min għalaq is-sittax-il sena li jagħżel li ma jirċivix tagħlim reliġjuż. Il-ġenituri għandhom ukoll id-dritt ta’ din l-għażla għal tfal taħt is-sittax-il sena.
Bidla oħra li seħħet taħt il-gvern Laburista kienet is-separazzjoni bejn żwieġ ċivili u dak reliġjuż. Iż-żwieġ ċivili kien obbligatorju (għal min irid jiżżewweġ, ovvjament) mentri ż-żwieġ reliġjuż seta’ jidħol għalih min irid.
Iżda b’rigward ir-reliġjon ir-riforma kostituzzjonali waqfet hawn. Fil-bidu tas-snin tmenin l-attentat biex nibnu moviment favur id-divorzju miet f’ġuf ommu.
Minħabba f’Artiklu 2 il-Knisja u r-reliġjon Kattolika baqgħu ipprivileġġjati.
Ftit tas-snin wara, meta kont l-Università tal-Qroqq, niftakarni nargumenti ma’ wħud minn sħabi – fosthom żewġ studenti Ġiżwiti – li, biex il-Maltin kollha jkunu ugwalment ċittadini, Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni jrid jitwarrab. B’xejn ma setgħu jifhmuni, jew forsi ma qablilhomx jifhmuni. Għax wara kollox bħala Kattoliċi dan l-Artiklu lilhom ma weġġagħhomx. Għalija, li kont ateju, il-problema kienet ovvja. Min naħa l-istess Kostituzzjoni, f’Artiklu 32, tistqarr li “kull persuna f’Malta hija intitolata għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu… tkun xi tkun ir-razza, post ta’ oriġini, fehmiet politiċi, kulur, twemmin jew sess tagħha…” Min-naħa l-oħra lill-Knisja Kattolika tipprivileġġjaha. Kontradizzjoni.
Eddie Fenech Adami, bħala Prim Ministru ta’ Malta, ma kienx kuntent b’dan. Fl-1995 iffirma Konkordat ġdid mal-Vatikan li bih ta iktar privileġġi lill-Knisja. Fost dawn hemm il-privileġġ li deċiżjonijiet tal-qrati tal-Knisja b’rigward l-annullament jingħataw għarfien uffiċċjali mill-Istat.
Tul l-aħħar ftit tas-snin snin bosta bdew jagħrfu l-problemi li dan il-privileġġ joħloq.
Biċċa ċuċ patri mill-Mosta ra pupu tal-ħwejjeġ (mannequin) għarwin f’tieqa ta’ ħanut, u mar jiġri għand il-pulizija biex dal-pupu jitwarrab minn għajn in-nies, li ma jmurx jagħti xi skandlu. U dawn, m’hemmx xi ngħidu, qdewh mill-koxxa.
Klikka nies telgħu n-Nadur Għawdex għall-karnival. Libsu ta’ reliġjużi u waħlu wkoll ma qaddhom ‘żbub’ foloz, kbar esaġerati. Bniedem normali jgħid, bejnu w bejn ruħu, “Allura, x’fiha? Mhux il-Karnival, meta suppost kulħadd jista’ jitnejjek b’kulħadd?” Imma l-Knisja ratha mod ieħor - u waħħlitulhom hi. Erġa mur ġib il-pulizija! (għax ovvjament dawn m’għandhom xejn x’jagħmlu.)
Mark Camilleri, editur tal-magażin studentesk Ir-Realtà – talab novella m’għand il-kittieb Alex Vella Gera. U xi storja tah! Qraha l-kappillan tal-Università li tkaża tant biha li mar jiġri għand il-papà, cioè ir-Rettur. Dan imbagħad bagħad għall-pulizja (dawn tassew, imsieken, ikollhom jaħdmu għall-pappa. Im’nalla kienet il-Knisja, għax kienu jisġiċċaw qegħda.)
Flejt kemm flejt il-gazzetti biex nara kemm-il qassis u patri mar jiġri għand il-pulizija biex jirrapporta abbużi kontra t-tfal, xejn ma sibt. Bqajt b’xiber imnieħer. Ikolli naħseb li dawn l-affarijiet f’Malta Kattoliċissima ma jsirux.
Imma fl-aħħar il-Knisja għamlet żball kbir, li sploda f’wiċċha qisu murtal tal-festa ta’ Kristu Rxoxt. Uriet il-veru wiċċ mimli ħdura tagħha fir-referendum dwar id-divorzju. U fost ħafna Maltin – u did-darba mhux Laburisti biss – tilfet kull rispett.
Tant li, fejn darba kien wieħed waħdani – l-attivist gay Patrick Attard – li skomunika lilu nnifsu mill-Knisja, issa hemm grupp sħiħ – Mhux F’Ismina - li qed iniedi kampanja għal dwak li ma jridux jitqiesu iktar membri tal-Knisja. Bħalma darba, fl-1976, kien għamel il-kittieb Ġermaniż Heinrich Böll. J’Alla (sic) jiżdiedu nies bħal dawn.
Il-kampanja tagħhom hija wkoll immirata kontra l-privileġġi tal-Knisja, għat-tneħħija ta’ Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni. U biex din isseħħ irid ikun hemm għadd ta’ kampanji li flimkien iwasslu biex l-awtorità tal-Knisja tiddgħajjef. Per eżempju kampanja favur għarfien ta’ relazzjonijiet gay u leżbjani u kampanja kontra l-Konkordat ta’ EFA mal-Vatikan.
Nagħlaq bi storja li kien qalhieli komunist Grieg meta kont għadni żagħżugħ Malta. Il-Knisja Griega Ortodossa minn dejjem għarfet id-dritt tad-divorzju, sakemm dan kien ikkontrollat minnha. Wasal iż-żmien meta l-gvern Grieg ried jintroduċi id-divorzju ċivili. Tistgħu taħsbu kif irreaġiet il-Knisja. Ma tarawx, jekk għandhiex titlef il-monopolju tagħha fuq id-divorzju!
Allura dawk li kienu favur id-divorzju ċivili x’għamlu? Għal sitt xhur sħaħ, kuljum imqaddes, f’gazzetta jew oħra – hiex liberali, soċjalista jew komunista -kixfu skandlu sesswali wara ieħor ta’ patrijiet Ortodossi.
Il-vot favur id-divorzju ċivili għadda.
Hekk jeħtieġ isir f’Malta.
No comments:
Post a Comment