L-Erbgħa, 25 ta’ Jannar 2012

“Made in Australia” – tfal ta’ imigranti, imwelldin fl-Awstralja

Malta għandha l-problemi tagħha fejn jidħol it-tagħlim u l-użu tal-Malti fost it-tfal. F’pajjiż bħall-Awstralja t-tfal tal-imigranti jiffaċċjaw problemi oħrajn. Fost il-kommunità Griega għandi l-impressjoni li għalihom m’hemmx xi problema serja, għax ħafna minnhom fi tfulithom imorru skejjel tal-ilsien Grieg, ġeneralment fi tmiem il-ġimgħa. Gruppi etniċi oħrajn għandhom esperjenzi differenti. Milli naqra fil-gazzetta Maltija Awstraljana The Maltese Herald ħadt x’nifhem li m’hemmx ħafna tfal li jmorru jitgħallmu l-Malti fl-iskejjel tal-ilsien Malti. Iżda dan mhux xi qasam li naf wisq dwaru.

Hawn se nirrakkonta x’ġara fil-każ ta’ żewġt itfal li twieldu l-Awstralja, wieħed minn ġenituri Maltin u ieħor minn missier Anglo-Awstraljan u omm Indoneżjana.

L-ismijiet f’dar-rakkont bdilthom kollha, ħlief dak ta' sieħbi Danny.


Maltese Language School of Adelaide

Duncan

Oħti kellha l-ewwel tarbija daqs 18-il sena ilu. L-ewwel wieħed kien tifel. Semmewh Duncan. Il-ġenituri tagħna u aħna t-tliet aħwa lkoll ġejna l-Awstralja flimkien. Bejtnietna bil-Malti bqajna nitkellmu. Mal-wasla ta’ Duncan sibnieha ħaġa naturali li niddeċiedu b’liema lsien se nkellmuh. Meta ngħid aħna nfisser ommu u misieru, missierna u ommna (in-nanniet tiegħu) u jien.

Iddeċidejna li nkellmuh bil-Malti. Ir-raġunar tagħna kien hekk:

Fl-Awstralja, ħlief mal-familja, dat-tifel kullimkien kien se jisma’ l-Ingliż mitkellem – fit-triq, fil-park waqt il-logħob ma’ tfal oħrajn, fuq it-televiżjoni, l-iskola… Mela mhux se jkollu problema jitgħallem l-Ingliż. Iżda għarafna li jekk ma jitgħallimx il-Malti fid-dar, mela qatt mhu se jitgħallmu.

Dal-fatt konna nafuh mill-esperjenza tal-kuġini tiegħi li twieldu l-Awstralja. Uħud minnhom forsi jġaħġħu xi frażi ‘l hawn u ‘l hinn. U dejjem b’aċċent li jqalliblek l-istonku! Jifhmu l-Malti xi ftit jew wisq (għalkemm deherli li iktar ftit milli wisq.) U naħseb li din hija l-esperjenza ta’ ħafna tfal Maltin li twieldu l-Awstralja.

Fost iz-zijiet mhux kulħadd qabel magħna. Kien hemm min ħaseb li għax kellu l-Ph.D jaf aħjar minna, u avżana li se niżvantaġġjawh lil dat-tifel. Iżda jien kont naf li t-tfal żgħar kapaċi jixorbu iktar minn ilsien wieħed. U tagħna għaddiet.

Kien moment interessanti ferm meta Duncan, meta kien ġa beda jitkellem xi ftit, iltaqa’ ma’ koċċ tfal jilgħabu fuq il-bandli. Meta pprova jkellimhom ma fehmuhx. U huma lilu ma fehmuhx lanqas. Infexx jibki. Imma ma damx wis biss ftit ftit beda jaqbad l-Ingliż u wara ftit taż-żmien kien qisu mhux hu jilgħab u jitħaddet mal-istess tfal!

Duncan illum għadu jitkellem il-Malti ma’ Maltin oħrajn. Għax minn tad-dar tgħallem li m’għandux minn xiex jistħi. Ikolli nżid ngħid li l-Malti tiegħu m’huwiex estiż wisq, għas-sempliċi raġuni li l-firxa u l-għadd ta’ Maltin li jiltaqa’ magħhom u l-esperjenzi tiegħu bil-Malti huma limitati. Lanqas ma’ tgħallem jikteb u jaqra bil-Malti.

Iżda bqajt nieħu sodisfazzjon kbir kull meta xi Malti Awstraljan jibqa’ mistagħġeb kemm Duncan, li twieled l-Awstralja, jaf jitkellem bil-Malti.


Skola Maltija Wollongong

Joseph

Chen Chen kienet ġiet iżżur lili u li sieħbi Danny, li jiġi z-ziju tagħha, minn Ġakarta, l-Indoneżja. Fil-ftit ġimgħat li damet magħna ltaqgħet ma’ Mario, u t-tnejn inġibdu lejn xulxin mill-ewwel. Meta Chen Chen marret lura Ġakarta Mario mar iżurha spiss f’pajjiżha, u fl-aħħar iżżewġu hemmhekk stess u ġiet lura miegħu b’visa tar-residenza.

Kważi tmien snin ilu kellhom tifel – Joseph. Dan għall-ewwel dera jisma’ kemm lil missieru jitkellem bl-Ingliż u lil ommu titkellem bl-Indoneżjan. Iżda meta beda jitkellem, bl-Ingliż beda jinqeda.

Għall-ewwel ommu ma ddejqitx. L-Ingliż tagħha baqa’ xi ftit jew wisq batut, anke jekk maż-żmien tjieb xi ftit. Imma meta t-tifel beda jmur l-iskola tan-nuna ntebħet li ma setgħetx tlaħħaq mal-Ingliż tiegħu. Jum minnhom qalitlu li ma kenitx se twieġbu jekk ma jkellimhiex bl-Indoneżjan. Għall-ewwel ħadha bi kbira, u tgħidx kemm beka. Imma malajr dara u llum jitkellem tajjeb ħafna kemm bl-Ingliż kif ukoll bl-Indoneżjan.

Darba fis-sena jmur ma’ ommu u missieru l-Indoneżja. Hemm iqattgħu bejn erba’ u sitt ġimgħat. B’hekk iġedded ir-rabta tiegħu mal-familja Indoneżjana, speċjalment ma’ nanntu. U kuġini ma’ min jilgħab għandu kemm irid. Allura permezz taż-żjarat tiegħu fl-Indoneżja jkompli jsaħħaħ l-użu tiegħu tal-ilsien Indoneżjan.

Inċident wieħed jibqa’ frisk f’moħħi. Darba, xi ftit tas-snin ilu, għidtlu xi ħaġa bl-Indoneżjan mill-ftit li tgħallimt jien. Baqa’ jħares lejja mistagħġeb. Imbagħad staqsieni għala qed nitkellem bl-Indoneżjan. Għax f’moħħu kien daħħalha li l-Indoneżjan huwa mitkellem mill-Indoneżjani biss, u l-bqija jitkellmu bl-Ingliż.

                                             *
Postscript

Ftit tax-xhur ilu iz-ziju li ma kienx qabel li n-neputi tiegħi nderruh bil-Malti staqsieni fejn bintu tista' ssib kotba biex titgħallem il-Malti. Bintu hija tfajla miżżewġa bit-tfal. Sliftu l-ktieb Teach Yourself Maltese ta' Ġużè Aquilina. Illejla kont qed nitkellem m'oħti fuq it-telefon. U mingħandha sirt naf li l-kuġina trid titgħallem il-Malti għax sabet li sħabha kollha li m'mhumiex Anglo-Awstraljani (i.e. li l-familja tagħħom hija Taljana, Yugoslava, Griega eċċ) kollha jafu jitkellmu bl-ilsien tagħhom. Hi biss ma tafx. Iz-ziju ammetta m'oħti li dawk is-snin kollha ilu aħna kellna raġun.

                                             *                   
Jekk int qarrej ta' dil-kitba u tixtieq tgħaddili kumment, merħba bik.

No comments: