Il-Ħadd, 16 ta’ Settembru 2012

IL-ĠMIEL LI ĦALLEJT WARAJJA

Kull fil-għodu, kif inqum, kont nittawwal mit-tieqa ‘l barra. Quddiemna t-triq kienet għadha mħarbta, żrar, ġebel u terrapien. Ix-xogħol fuq il-B’Kara Bypass kien għadu fil-bidu tiegħu. Kont nittawwal lejn daqxejn ta’ xitla għolja inqas minn 30 cm. Kellha fjura waħda, bajda. Kul fil-għodu kont nagħtiha titwila u nifraħ biha. U kuljum napprezza li rnexxielha tikber qalb dik il-ħerba, minkejja n-nuqqas ta’ ħamrija.

Xi ġimgħatejn qabel emigrajt minn Malta għall-Awstralja, fl-1986, waqqafni ċertu professur fil-fakultà tal-edukazzjoni. Qalli kemm jien ixxurtjat se mmur ngħix f’pajjiż fejn hemm ambjent naturali sabiħ. Mhux bħal Malta. Urejtu li ma qbiltx miegħu. Għidtlu li l-ambjent Malti sabiħ wkoll. “Mela qatt ma sifirt?” staqsieni. “Dażgur,” weġibtu. “U għalhekk kapaċi nagħraf dak li għandha x’toffri Malta.”

Il-ġmiel tan-natura f’Malta dejjem laqatni. Nibqa’ niftakar meta ħabib mill-għaqda tal-għasafar (illum imsejħa Birdlife) kien qalli li f’Malta l-għadd ta’ speċi ta’ pjanti li jagħmlu l-fjuri huwa ikbar milli fl-Ingilterra.

Il-Qabru
Dik il-ħabta, fit-Tmeninijiet, kien instab granċ tal-ilma ħelu. Il-lokal fejn instab ma kienx ġie nxandar, għax kienu Alla m’għamlu dan l-imsejken granċ! Il-qabru (il-Granċ tal-Ilma Ħelu) jinsab biss fil-gżejjer Maltin.




Il-wiżgħa ta' Malta, Għawdex u Kemmuna
Il-qabru mhwiex l-unika ħlejqa li tinsab biss f’Malta. Hemm il-wiżgħa. Din għandha kuluri jvarjaw minn gżira għall-oħra. Sottospeċi waħda tinsab f’Malta, Għawdex u Kemmuna. Oħra tinsab fuq Filfla. It-tielet waħda tinsab fuq il-gżejjer ta’ San Pawl u r-raba’ waħda fuq il-Ġebla tal-Ġeneral.



L-ambjent Malti jgħaxxaqni. X’hemm isbaħ mix-xagħri għeri, bix-xtieli tipiċi bħalma huwa s-sagħtar? U mbagħad x’kuntrast joffri mal-baħar kaħlani Mediterranju!



L-istaġuni joffru l-varjetà tul is-sena. Għalija l-għaxqa tiegħi meta tinżel l-ewwel xita li tikser in-nixfa tas-sajf. Mill-lejl għan-nhar il-gżejjer Maltin kważi jinbidlu. S’issa x-xtieli kollha kienu maħruqin. Imma issa l-ħamrija niexfa tieħu lewn skur u minna tinbet ħdura ġdida. Nibda nieħu nifs qawwi wara ieħor biex nimla l-pulmun bl-arja friska. U mbagħad jitfaċċa n-nemel itir, biex imur ifittex fejn jista’ jbejjed.

Darba minnhom uħud minna fl-għaqda tal-għasafar ħadna koċċ tfal Ta’ Ċenċ, Għawdex. Morna hemm biex tul il-lejl nisimgħu liċ-ċief dieħel mill-baħar biex ibejjed fuq l-irdum. Iċ-ċiefa għandha għajta li ssaħħrek – qisha bikja ta’ tarbija. Kien lejl li ma ninsieh qatt.

Iċ-ċiefa

Wara sitta u għoxrin fl-Awstralja fl-aħħar mort żort lil Malta. Ħafna qaluli li ftit fadal kampanja. Imma jien bqajt, bħal dari, mistagħġeb kemm għad hemm kampanja f’dawn il-blatiet żgħar. U ftakart f’dak il-professur. Jien kont tlaqt minn Malta. Hu baqa’ hemm. Nittama li tul dawn is-snin għaraf li fejn baqa’ igħix hemm ġmiel naturali li bħalu ma ssib imkien ieħor.



No comments: