Il-Ġimgħa, 1 ta’ Lulju 2011

Il-knisja Maltija ħaqqha kull stmerrija




“The Spaniards thrust on us the greatest
        supersition the world has ever known   
 – the Catholic Church”                        
– Pancho Villa

Fil-bloggata tal-Erbgħa 17 ta’ Novembru 2010 Mark Montebello mill-Messiku kiteb hekk dwar Benito Juárez, President tal-Messiku fis-seklu dsatax:

Benito Juarez (1806-1872)
“This Juárez is a really interesting figure. He was a Zapotec Indian from Oaxaca, the first full-bloodied indegenous national ever to serve as President of Mexico and to lead a country in the Western Hemisphere. He had no military background. As President, he resisted the French Occupation, overthrew the Empire, restored the Republic, and used liberal efforts to modernize the country. Amongst these efforts one might mention the expropriation of church lands, bringing the army under civilian control, liquidation of peasant communal landholdings, the separation of church and state in public affairs, and also the almost complete disenfranchisement of bishops, priests, nuns and lay brothers.

“Together with Hidalgo and Zapata, Juárez is one of the main Mexican public figures which I admire very much.”
Mela dal-persunaġġ li Mark Montebello tant jammira kien risponsabbli għas-separazzjoni bejn stat u knisja, ħataf l-artijiet tal-knisja u neħħa l-jeddijiet tal-isqfijiet, patrijiet, sorijiet u fratelli. Tassew ta’ min jammirah.

Iżda mbagħad, fil-bloggata tiegħu minn Malta nhar il-Ħadd 5 ta’Ġunju 2011, jikteb hekk:

“Sfortunatment, tul il-kampanja [dwar id-divorzju] ntwera għadab partikularment qares għall-Knisja. Xi wħud milli esprimewh ma jemmnux f’Alla u, għaldaqstant, l-istmerrija tagħhom (għalkemm aktarx nieqsa minn sentimenti ta’ tolleranza) tista’ tiġi mifhuma.”

Ngħid għalija ma nistax nifhem kif minn naħa jammira bniedem li kellu l-qlubija u l-ħila jrażżan lill-knisja fil-Messiku, u minn oħra jisgħobbih għall-għadab kontra l-knisja f’Malta, meta ż-żewġ knejjes kienu/huma daqstant jixxiebħu fil-kilba għall-poter assolut, l-appoġġ għal gvernijiet anti-demokratiċi, il-ħarsien tal-ġid tagħhom u t-tagħlim tad-dommi tal-fidi għad-dannu tan-nies.

U hawn nixtieq nagħmilha ċara li jien, għalkemm ateju, nirrispetta d-dritt tat-twemmin għal min jixtieq jemmen. Dejjem sakemm jintgħaraf ukoll id-dritt li min jixtieq jista’ ma jemminx, u sakemm il-knisja u l-fidi Nisranija ma jkunux ipprivileġġjati. Nirrispetta wkoll lil dawk l-Insara li l-fidi tagħhom hija bbażata fuq il-ġustizzja soċjali. Għaldaqstant hemm ħafn’ iktar inkomuni bejni u Nisrani xellugi milli hemm bejni u ateju lemini. Imma dar-rispett ma nagħtihx lill-knisja bħala istituzzjoni reazzjonarja. Iwara kollox in-nuqqas ta’ tolleranza ma kienx ġej mill-ateji imma mill-knisja. Il-kampanja kontra d-divorzju, fi stat li fis-sena 2011 għad ma jagħrafx id-dritt ċivili tad-divorzju minħabba l-oppożizzjoni tal-knisja, tmexxiet primarjament mill-partit konfessjonali li jinsab fil-gvern – il-Partit Nazzjonalista – u l-knisja Kattolika Maltija.


Knisja u PN - konfoffa waħda













Lanqas ma nista’ nifhem għala jqis li l-għadab qares għall-knisja kien sfortuna. Wara kollox huwa stess, fi bloggata oħra li kiteb nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2011, esprima d-dispjaċir qawwi tiegħu għal li għamlet il-knisja Maltija waqt il-kampanja tar-referendum.

Il-fatt jibqa’ li l-knisja Maltija ħaqqha l-istmerrija ta’ kull demokratiku. Sakemm iċċedi l-poteri tagħha ma narax għala, ateji jew le, għandna nkunu tolleranti ta’ istituzzjoni qawwija u dittatorjali li ma turi ebda ħjiel ta’ rispett jew tolleranza.


It-Tnejn, 13 ta’ Ġunju 2011

Ir-referendum dwar id-divorzju: l-għajb tal-Knisja

Min qatt kien jobsor li eżatt f’għeluq il-50 sena mill-Interdett il-Knisja kellha terġa’ taqa’ f’dak il-ħama? Min kien jobsor li l-Knisja għad terġa’ tasal biex thedded il-dnub il-mejjet – fis-sena 2011?

Il-prinċpijiet medjevali ta' Malta fl-2011 - l-Arċisqof Pawlu
Cremona u l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech.


Fis-Sittinijiet minn naħa kont tistenna dak li għamlet il-Knisja. Malta kienet għadha kolonja. Bejniethom il-Knisja u l-gvern kolonjali Ingliż żammew Malta lura fl-interess tal-poter tagħhom. Minn żmien il-Franċiżi, sa Manwel Dimech, sal-ġlieda għall-indipendenza, il-Knisja u l-Ingliżi ħadmu id f’id biex iżommu lill-Maltin taħt il-ħakma tagħhom.

L-Indipendenza m’għamlet ebda differenza. Għax il-Knisja u l-PN baqgħu żewġ naħat tal-istess munita. Kien il-MLP li baqa’ l-għadu tal-attitudni medjevali tal-Knisja. Meta fl-aħħar tneħħa l-Interdett u l-MLP ġie elett fil-1971, bdew jitwettqu għadd ta’ bidliet. Malta saret Repubblika u twarrbet dik il-farsa fejn Malta Indipendenti baqgħet b’reġina u gvernatur Ingliżi. In-NATO tqaċċtet ‘il barra. Il-gvern Malti ħa f’idejħ il-port, il-mitjar, ix-xandir – li taħt gvern Nazzjonalista baqgħu f’idejn l-Ingliżi.

Kien hemm bidliet oħrajn importanti li laqtu lill-Knisja fil-laħam il-ħaj. Iddaħħal iż-żwieġ ċivili; il-ġenituri setgħu jagħżlu li t-tfal ma jitgħallmux reliġjon fl-iskola; żgħażagħ li jagħlqu s-sittax setgħu jagħżlu x’jemmnu u ma jemmnux…

Iżda l-bidliet sekulari kienu limitati. Il-twemmin Kattoliku baqa’ t-twemmin uffiċjali tal-pajjiż kif inhu miktub fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta. Id-divorzju baqa’ ma ġiex introdott. It-tagħlim tar-reliġjon ma tneħħiex mill-iskejjel tal-istat. Fi kliem ieħor il-privileġġi tal-Knisja ma tneħħewx għall-aħħar. Kien biss fl-1984 li l-gvern Laburista beda tilwima mal-Knisja dwar l-iskejjel privati, bl-islogan “Jew b’xejn, jew xejn.” Sfortunatament dil-ġlieda seħħet fost ħafna abbużi koroh mill-istess gvern Laburista. (Għalkemm ta’ min iżid li l-PN me kienx innoċenti għal-aħħar, lanqas.)
Hemm min bassar li meta kien intlaħaq ftehim bejn Duminku Mintoff u Mikiel Gonzi biex jintemm l-Interdett, dal-ftehim intlaħaq għax Mintoff aċċetta li ċerti affarijiet ma jagħmilhomx jekk jiġi elett – fosthom l-introduzzjoni tad-divorzju.

Iżda l-progress limitat li seħħ taħt l-MLP malajr twarrab mal-elezzjoni tal-PN fl-1987. Il-gvern Nazzjonalista reġa’ ta lura għadd ta’ privilieġġi lill-Knisja fuq il-bażi ta’ ftehim mal-Vatikan.

Għalhekk m’hemmx biex niskantaw li fil-kampanja tar-referendum dwar id-divorzju l-gvern Nazzjonalista u l-Knisja ngħaqdu kontra d-divorzju.

Il-ħasra hi li l-mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat beża’ jorbot lill-partit favur id-divorzju. Bil-vot tar-referendum il-Knisja qalgħet daqqa’ ta’ ħarta ġmielha. Biex isir il-progress soċjali f’Malta l-Knisja trid tiddgħajjef. Imma min jista’ jorbot fuq il-Partit Laburista meta 'l quddiem il-poplu Malti jitfaċċa ġlidiet oħrajn għall-ġustizzja soċjali?

Kienet l-Alternattiva Demokratika biss li ħarġet favur id-divorzju bħala partit.

Allura nistgħu ngħidu li biex iseħħ iktar progress iridu jkunu movimenti indipendenti mill-partiti, iżda bl-appoġġ tal-progressivi kollha, li jagħmlu l-għalmu tagħhom biex jirbħu minkejja l-PN, il-Knisja u l-konservattivi fi ħdan il-PL.

It-Tnejn, 3 ta’ Jannar 2011

Ir-Rebħa - l-elezzjoni tal-1971


L-elezzjoni tal-1971 kienet l-ewwel elezzjoni ħielsa u ġenwina fl-istorja ta’ Malta. La kienet imxekkla mill-awtoritajiet Ingliżi u lanqas mill-Knisja, issa mrażżna – fl-aħħar! – mill-Vatikan.

U l-MLP, mingħajr id-dnub il-mejjet, rebaħha. Il-Partit Nazzjonalista, mingħajr il-Knisja tagħtih palata, tilifha.

Għalija u għall-familja tiegħi din l-elezzjoni ġabet ħafna ferħ. Kollna kemm aħna ħdimna u tajna sehmna għar-rebħa, anke jien.

                                             *

in-nanna Karmena
Niftakar li, għall-elezzjoni, sibt biċċtejn drapp, waħda bajda u waħda ħamra. Qtajt biċċa minn kull waħda bl-imqas. Imbagħad, b’labra w ħajta, ippruvajt inħithom flimkien biex nagħmel bandiera Maltija. Ma kienx fiha x’tara – bilkemm kienu jżommu flimkien il-biċċtejn drapp, b’kull punt fih daqs pulzier jew tnejn!

L-għada n-nannu Duminku ħa l-bandiera f’idejh, qata’ l-ħjata u reġa’ qata’ l-biċċtejn drapp, did-darba sura ta’ nies. Meta lesta n-nanna Karmena poġġiet mal-magna tal-ħjata, li kienet titħaddem bis-sieq, u ħitithomli flimkien. Issa kelli bandiera vera.

Pinġejt l-arma tal-MLP fuq biċċa karta u waħħaltha mal-bandiera. Waħħalt il-bandiera ma lasta tal-ixkupa. Imbagħad sibt lumija tal-plastik - lumija għall-Partit Nazzjonalista - u dendiltha mal-lasta .

Tgħidx kemm ġrejt biha fit-toroq tal-Marsa!

                                             *

Jum l-elezzjoni niftakar lin-nannu, lil missieri u liz-ziju Ġorġ bilqiegħda madwar il-mejda jisimgħu r-riżultati tal-għadd tal-voti deħlin ftit ftit minn fuq ir-Rediffusion. Fuq il-mejda kellhom karta kbira mifruxa li fuqha kienu qed jimmarkaw il-voti.

U meta rbaħna tistgħu taħsbu xi storbju u xi plejtu għamilna, u kemm ġrejna mat-toroq u bil-karozza biex niċċelebraw u ninfexxu fil-ferħ li kellna.

Tgħidx kemm xejjirtha l-bandiera!

                                             *

in-nannu Duminku
Din kient waħda mill-aħħar memorji li għandi tan-nannu. Miet is-sena ta’ wara. Miet bil-mard. Imma meta niftakar fih ngħid f’qalbi li għallinqas fl-aħħar sena ta’ ħajtu ħa ferħa waħda kbira wara dawk is-snin kefrin.

B’hekk tintemm l-istorja tal-familja tiegħi ta' żmien l-Interdett.


Is-Sibt, 25 ta’ Diċembru 2010

It-twemmin reliġjuż u jien

M’għandix memorji personali tas-snin koroh tal-Interdett. Kont żgħir wisq. Niftakar biss it-tilwim bejn iz-zijiet min-naħa t’ommi u missieri fil-festini, u l-karrijiet tal-fjuri tal-karti f’waħda mill-isfilati ta’ Jum il-Ħaddiem fil-Ħamrun.

Il-patrijiet ta' Marija Reġina














Trabbejt il-Marsa ta’ Fuq f’dik li, wara l-bini tal-Knisja tal-Madonna tad-Dmugħ, li tlestiet f’November 1961 – proġett ta’ Patri Feliċjan Bilocca (li dak iż-żmien kien għadu ewlieni tal-MLP) – saret il-parroċċa ta’ Marija Regina fl-1967.

Ir-ritratt tiegħi tal-preċett
Meta, ta’ sitt snin, bdew jaħsbuli biex nagħmel il-Preċett, bdejt immur għal-lezzjonijiet tad-duttrina għand is-sorijiet li kellhom kunvent fi Triq Balbi, qrib il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa.

Wara l-Preċett in-nanna Karmena, li għext magħha sal-eta’ ta’ 15-il sena, daħħlitni abbati. Bagħtitni wkoll il-Mużew.




Missieri qatt ma ndaħalli f’dik li hi reliġjon, avolja hu ma baqax imur il-knisja. Imma baqagħli daqxejn ta’ suspett, memorja vaga ħafna, li nannti kienet bagħtitni l-Mużew mingħajr il-permess tiegħu, bil-ħabi. Għax ma ninsewx li tal-Mużew kienu fost l-iktar li xewxu lit-tfal biex imorru jisfrattaw il-meetings Laburisti. Niftakar sewwa, imma, inċident meta qorbot l-elezzjoni tal-1971. Kien il-Ħadd fil-għodu, u kont mort il-Mużew. Kellna superjur akkanit li dejjem riedna nilbsu l-baġġ tal-Mużew - il-Verbum Dei Caro Factum Est  – u jien kont nilbisha qabel nidħol hemm u ninzagħha meta nitlaq ‘il barra. Daqs nofs kantuniera ‘l isfel mill-Mużew, fi pjazzetta fi Triq il-Marsa kantuniera ma’ Triq Zerafa, kien hemm meeting Laburista. Mill-Mużew mort dritt għall-meeting. Kif wasalt hemm iltqajt ma’ missieri. Dan rali l-baġġ fuqi, ħatafni u qalli ninżagħha. U hekk għamilt.

La fl-abbatini u lanqas fil-Mużew ma niftakar li qatt smajt xejn kontra l-MLP. Kien qrib it-tmiem tal-Interdett, l-elezzjoni tal-1966 kienet ġa għaddiet, u jidher li l-affarijiet kienu kkalmaw xi ftit sa dak iż-żmien. Barra minn hekk nissusspetta li l-ewwel kappillan tal-parroċċa - Patri Kalċidon Baldacchino - lagħab sehem importanti biex xi ftit jew wisq seħħet il-paċi f'dil-parroċċa. Il-Marsa ta’ Fuq kienet, fil-maġġoranza tagħha, Laburista, u dal-kappillan kien maħbub sew mill-parruċċani. Kien bniedem dħuli ħafna u miġjub minn kważi kulħadd. Meta tneħħa mill-parroċċa fl-1975, tgħidx kemm ipprotestajna. Imma f’wiċċna baqa’.

                                              *

Meta kont Form 4, ta’ 15-il sena, ma bqajtx kattoliku. U ta’ 17-il sena, meta kont Form 6 il-Belt, sirt ateju. Imma dik storja ohra.

Is-Sibt, 6 ta’ Novembru 2010

L-Interdett fl-istorja moderna ta’ Malta


Xbiha mistħajla ta, Mikiel Anton Vassalli

L-istorja moderna ta’ Malta tibda, nistgħu ngħidu, mal-miġja tal-Franċiżi f’Malta. Għalkemm fi Franza r-Rivoluzzjoni Franċiża kienet digà ħadet xejra reazzjonarja bil-qirda tax-Xellug, l-armata repubblikana Franċiża ħadet ħafna mill-prinċipji rivoluzzjonarji magħha fil-konkwisti tagħha.

Bħala eżempju ta’ min isemmi li wieħed mid-degreti tal-Franċiżi f’Malta kien it-tneħħija tal-iskjavitù.

Tmaqdar xi tmaqdar dwar il-Franċiżi f’Malta, fl-aħħar il-Maltin kellhom l-opportunità li jtajru l-fewdaliżmu minn Malta – mhux biss il-fewdaliżmu tal-Kavallieri imma anke tal-kleru.

U hawn naraw il-qawwa tal-Knisja u tal-kleru għax il-ħakma taghħom kienet mhux biss fuq l-imħuħ tar-raħħala Maltin imma anke ħakma ekonomika peress li l-Knisja kienet sid ewlenija ta’ art, proprjetà u industrja, speċjalment tal-qoton.

Jiġifieri l-Knisja riedet iżżomm il-privileġġi tagħha – kemm reliġjużi kif ukoll temporali.

Mill-irvellijiet kontra l-Franċiżi ‘l hawn din kient l-istorja reazzjonarja tal-Knisja f’Malta. Imkien ma naraw il-kruha fil-qalba tal-Knisja iktar milli fl-oppożizzjoni tagħha kontra l-moviment tal-ħaddiema.

Insemmi l-ġrajjiet ewlenin minn dak iż-żmien s’issa:

Is-Società Operaia twaqqfet minn għadd ta’ ħaddiema fl-1885. Skont il-mexxej tal-Partit tal-Ħaddiema Ġużè Bonniċi, din kienet għaqda semi-reliġjuża. Il-qassisin ħasbuha għaqda Protestanta u ħarġu kontrieha. Il-membri tas-Società irribattu l-kritika u l-Isqof ta’ dak iż-żmien heddet li jikkundannahom. Is-Società ċediet malajr, żiedet il-kelma ‘Cattolica’ mat-titlu u aċċettat id-direttur spiritwali li mponielhom l-Isqof.


Manwel Dimech

Manwel Dimech illum nittama li huwa magħruf sewwa, l-ewwel minħabba x-xogħol siewi tal-Laburist Ġeraldu Azzopardi, u wara tax-xogħol li irriċerka u ippubblika l-Patri Mark Montebello. Dimech laqqat skomunika, maħruġa mill-Isqof Pace, fit-23 t’Ottubru 1911. L-Isqof Pace ikkundanna lix-Xirka tal-Imdawlin u l-gazzetta ta’ Dimech Il-Bandiera tal-Maltin. Kull minn kien imsieħeb max-Xirka, jew għenha, kulmin jistampa l-gazzetta, ibigħha, jixtriha, iqassamha jew jaqraha, jew anke biss iżommha, ikun qed jidneb. Lil Dimech nafu sew x’għamlulu bejniehom iż-żewġ ħakkiema tal-poplu Malti – il-gvern kolonjali Ingliż u l-Knisja Kattolika. Spiċċa eżiljat fl-Eġittu fejn miet fis-17 ta’ April 1921 u ndifen f’biċċa ħofra fir-ramel tal-Victoria College, Lixandra.

Gerald Strickland

Il-Compact bejn il-partit ta’ Strickland ul-Partit tal-Ħaddiema fl-1927 wassal għall-ġlieda politoko-reliġjuża bejn l-1928 u l-1932. Strickland u l-Partit tal-Ħaddiema t-tnejn laqqtu l-interdett fil-pastorali ta’April 1930. L-istess bħalma ma kellu jiġri tletin sena wara, il-Laburisti u l-Istricklandjani sfaw imċaħħdin mill-qrar, il-preċett u t-tberik.

L-Interdett 1960-1968: l-effetti tiegħu għadhom jinħassu sa llum minn dawk li ġarrbuh. U nissusspetta li l-għażla ta’ Joseph Muscat li ma jikkommettix lill-Partit Laburista favur id-divorzju ġejja minn hawn, għallinqas parzjalment. Jekk il-partit jieħu pożizzjoni favur id-divorzju jista’ jwassal biex il-Knisja tattakkah. Wara daqs dawn snin fl-oppożizzjoni, Muscat żgur ma jridx li l-Knisja ttellfu rerbħa elettorali. Mentri jekk ma jikkommettix lill-Partit, u tqis li l-PN huwa maqsum fuq dil-kwistjoni, ikun jista’ jaħrab il-ħdura tal-Knisja. Forsi jien xi ftit ċiniku, imma min jaf jekk l-isqfijiet iddeċidewx li dil-kwistjoni hija waħda ta’ kuxjenza minħabba li anke fi ħdan il-PN hemm min jappoġġja d-divorzju?

Jista’ jkun ukoll li l-Knisja tibża’ lil jekk tipprova terġa’ tqajjem id-dnub il-mejjet, did-darba (speċjalment wara l-esperjenza tas-snin tmenin) tispiċċa hi t-telliefa.

Żmien l-interdetti għadda għas-sempliċi raġuni li darb’oħra ir-rabja u l-korla ddur kontra l-Knisja. Forsi, wara kollox, il-Knisja m’għadx għandha s-saħħa u l-poter ta’ dari. Għax minkejja li Mintoff darba kien qal, “Naħfer iva, ninsa le,” nibqa’ ċert li ħafna Laburisti li ġarrbu dawk iż-żmenijiet koroh mhux biss ma nsewx imma baqgħu ma ħafrux.

Għax il-Knisja għadha ma nbidlitx. Għal min jaħseb li jien żbaljat, ngħid biss li bħala raġel gay naf x’jien ngħid, għax il-ħdura tal-Knisja għadha mmirata lejna. 

Naħfer? Inżabbab.

Il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru 2010

F’wiċċ il-ħdura u l-mibegħda: kultura ta’ reżistenza



Il-Knisja kellha l-qawwa tal-pulptu u tal-qniepen.

Kellha l-qawwa tal-biża’ tad-dnub il-mejjet u tal-infern.

Kellha l-qawwa tal-opportuniżmu tal-partiti “ta’ taħt l-umbrella”, li

appoġġjawha kontra Mintoff.

Kellha l-qawwa tal-gvern kolonjali Ingliż u tal-pulizija.

Kellha l-qawwa tal-injuranza ta’ ħafna mill-poplu, injuranza li l-Knisja

rawmet fil-Maltin għal sekli sħaħ.


Il-Laburisti kellhom il-qawwa tal-kuraġġ, tal-konvinzjoni, tas-sewwa u ta’ mexxejja qlubin.

Il-Laburisti bnew ħajja soċjali u kulturali alternattiva. Dil-ħajja kollettiva ta’ solidarjetà għenithom jisfidaw il-ħdura u l-mibegħda, it-tgħajjir, it-twarrib minn nies li darba kienu ħbieb jew familja. Dil-ħajja bnewha permezz ta’ gazzetti u laqgħat, meetings pubblici u l-isfilati, bil-karrijiet, ta’ Jum il-Ħaddiem fl-Ewwel ta’ Mejju, fil-Ħamrun, għax kienu mbarrin mill-Belt. Kien hemm ukoll il-Brigata Laburista u l-Karnival tal-Baħar fis-sajf fil-Balluta.

U kien hemm l-għanjiet politiċi li fihom urew l-isfida tagħhom, u pattew it-tgħajjir li kienu jaqilgħu.

Waħda minnhom kienet sfida diretta lill-Knisja u lil Gonzi:

        Mort inqerr għand patri xwejjaħ,

        Soluzzjoni ma tanix.

        Għidtlu jiena nżomm ma’ Mintoff,

        Qalli Mintoff komunist.


        Komunist int u min għandek

        U mur ħudu f’għoxx kemm għandek.

        Jekk jidhirlek li żbaljajt

        Inżel kokka w busli l-bajd!



Oħra kienet:

        Viva l-Perit, Duminku Mintoff

        Kemm hu sinċier, Duminku Mintoff

        Jekk għandek l-għali mur kompli żidu

        U jekk m’għandekx, naraw x’nagħmlulek


U waħda li kienet tweġiba għal għanja tal-Ġunta (tal-Ġunta ma niftakarhiex). Dawn kienu jkantaw:

        Għalxejn l-għedewwa jridu

        Ikissru il-ħitan

        Tal-belt imqaddsa tiegħek

        Il-belt tal-Vatikan


U l-Laburisti jibbuttjaw lura:

        Għalxejn l-għedewwa jridu

        Ikissru lill-Partit

        Tal-Malta Labour Party

        Immexxi mill-Perit!

Trakk Laburista


Il-Ġimgħa, 15 ta’ Ottubru 2010

M’hemmx assoluzzjoni: missieri jfittex fejn jista’ jqerr

Bejn is-17 u d-19 ta’ Frar tal-1962 kellha ssir elezzjoni ġenerali. Kontra l-Partit Laburista ingħaqdu l-Partiti l-oħrajn kollha: il-Partit Nazzjonalista (nazzjonalista f’xejn ħlief l-isem), il-Partit Kostituzzjonali Progressiv, il-Partit Demokratiku Nazzjonalista, il-Partit Demokratiku Nisrani u l-Partit Ħaddiema Nsara (immexxi minn Toni Pellegrini, li ntuża minn Gonzi u Patri Feliċjan Bilocca biex ifixkel lill-Partit Laburista u l-ġlieda għall-indipendenza bil-qasma tiegħu mill-Partit Laburista.)

Dawn il-partiti ngħaqdu fi front - imlaqqam mill-Laburisti "Ta’ Taħt l-Umbrella” - kontra l-Partit Laburista.

Hekk kif qorbot l-elezzjoni l-Knisja ħarrxet il-gwerra tagħha kontra l-Partit:

Il-Ħadd 28 ta’ Jannar, fil-knejjes kollha ta’ Għawdex, inqrat ittra maħruġa mill-Isqof Pace li heddedt l-interdett lill-kandidati Laburisti f’Għawdex.

Il-Ħadd 4 ta’ Frar l-Arċisqof Gonzi ħareġ ittra pastorali dwar l-elezzjonijiet, li fiha saħaq fuq id-dmir tal-Maltin li jivvotaw kontra l-Partit Laburista.

Imbagħad, fi Frar stess, u qabel l-elezzjoni, il-Laburisti saru jafu li fit-28 u d-29 ta’ Jannar l-Arċisqof kien sejjaħ laqgħa sigrieta tal-konfessuri kollha, fl-Istitut Kattoliku il-Furjana. Hemmhekk kien tahom l-ordni li, taħt piena tal-iskomunika, ikollhom jiċħdu l-assoluzzjoni, fil-qrar, li dawk kollha li ma jiċħdux l-appoġġ tagħhom lill-Partit Laburista.

B’hekk l-Interdett inxtered minn Lorry Sant fl-1960, għall-Eżekuttiv tal-Partit fl-1961, għall-partitarji Laburisti kollha fl-1962.

                                           *

X’fisser l-Interdett?

Fisser li jekk tissieħeb mal-Partit Laburista, jekk tivvota għalih, jekk tattendi meetings tiegħu, jekk tqassam jew taqra l-gazzetti tiegħu, tkun qed tagħmel dnub mejjet li jibqa’ jinteret għal seba' ġenerazzjonijiet.

Fisser li jekk tibqa’ tappoġġja lill-Partit Laburista, allura l-konfessur ma jagħtikx assoluzzjoni, ma jagħtikx maħra għal dnubietek.

Fisser li jekk tibqa’ tappoġġja lill-Partit Laburista, ma tkunx tista’ titqarben.

Fisser li jekk tibqa’ tappoġġja lill-Partit Laburista, ma tkunx tista’ tiżżewweġ fil-Knisja imma fis-sagristija.

Fisser li jekk tibqa’ tappoġġja lill-Partit Laburista, u tkun tant żvinturat li tmut, ma tkunx tista’ tindifen fi-ċ-ċimertju fuq art ikkonsagrata, imma minflok tindifen fil-Miżbla.

Kemm missieri kif ukoll nannuwi sfidaw lill-Knisja Faxxista Maltija u baqgħu mal-Partit. Għalija dana jfisser li bqajt imħawwad waħda w sewwa snin wara meta sirt naf b’dawn l-oxxenitajiet: allura jien niġi t-tieni ġenerazzjoni ta’ dnub wara missieri, jew it-tielet ġenerazzjoni wara n-nannu?

Forsi għalhekk bqajt imħawwad tul għomri!

                                           *



Duminku u Karmena
 
Sa daż-żmien Ċali kien għadu jmur il-knisja. Meta l-konfessuri bdew jiċħdu l-assoluzzjoni missieri baqa’ jara  kif jagħmel biex isib fejn jista’ jqerr. Darba minnhom ħabib qallu li seta’ jmur f’ċerta knisja fil-Ħamrun (ma jiftakarx illum liema waħda kienet.) Hekk għamel u mar. Imma kif kien qed jistenna sa ma jmiss lilu jqerr daħal f’dil-Knisja ż-Żorro – kif kien magħruf il-kappillan tal-Knisja ta’ San Gejtanu. Dana beda jgħajjat li m’hemmx assoluzzjoni għall-Laburisti.

Missieri telaq ‘il barra. Minn dakinhar ‘l hawn qatt ma daħal fi knisja għall-htiġijiet tiegħu biss. Il-Knisja sar jidħol biss għal xi magħmudija jew tieġ jew funeral ta’ ħaddieħor. Iktar minn hekk le.

In-nannu Duminku mod ieħor. In-nannu, li miet fl-1972, niftakru dejjem, kull nhar ta’ Ħadd, joħroġ mill-knisja eżatt qabel it-tqarbin.

                                          *

F’dik l-elezzjoni il-Partit Laburista xorta ġie t-tieni b’50,974 vot, li bihom kiseb 16-il siġġu. Il-Partit Nazzjonalista qala’ 63,262 vot – 25 siġġu. Bejniethom tlieta mill-partiti ż-żgħar ħadu 9 siġġijiet.

L-Interdett taparsi tneħħa għal żmien qasir qabel il-vot tar-referendum għall-kostituzzjoni tal-indipendenza falza tal-1964. Interdett ma kienx hemm, imma xorta waħda kien hemm kampanja mill-Knisja, li fiha stqarret li min ma jivvutax favur ikun qed jeħodha kontra r-Reliġjon. Minkejja dan, waqt li l-vot favur intrebaħ b’65, 714, xorta kien hemm 54,919 vot kontra. Li jfisser li l-Partit Laburista żied fil-voti.

Hekk kif qorbot elezzjoni ġenerali oħra fl-1966, Gonzi reġa’ ħabbar l-Interdett. Il-PN ovvjament reġa’ rebaħ – kif ma setax jirbaħ bil-Knisja tirsistilu? Kiseb 28 siġġu bi 68,656 vot, iżda l-Partit Laburista żied ukoll fil-voti – 61,774 - u kiseb 22 siġġu. Il-partiti ż-żgħar ma kisbu ebda siġġu; Toni Pellegrini baqa’ b’xiber imnieħer.

L-Interdett fl-aħħar tneħħa għal kollox fl-4 ta’ April 1969, bi ftehim bejn il-Partit Laburtista u l-Vatikan. Għal disa’ snin sħaħ il-familja tiegħi, bħall-Laburisti kollha, għaddiet mill-infern. F’wiċċ il-qdusija tal-Papa u l-Vatikan.

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Ottubru 2010

Gonzi, Jien u l-Politika


Twelidt fit-18 ta’ Novembru 1961.

Għall-ewwel erba' snin ta’ ħajti ommi Victoria u missieri Ċali għexu mal-ġenituri ta’ missieri – in-nannu Duminku u n-nanna Karmena.

In-nannu kien daqxejn nibbiexi. Kien iħobb jinki lil missieri għax lili semmewni Michael. Kien jitmellaħ ftit bih u jixlih li semmewni wara l-Arċisqof Mikiel Gonzi. In-nanna, malli tisimgħu jinkih, kienet taqbad tillatika miegħu.

                                            *

Il-familja ta’ missieri jew, biex inkun iktar preċiż, parti sostanzjali mill-familja tiegħu (għax hemm ċorma sħiħa ta’ kuġini u sekondo kuġini), kienet Laburista. Nannuwi kien ħabib ta’ Mintoff. Tul is-snin tal-għajb tal-Interdett il-familja ta’ missieri baqgħet soda mal-Labour. Mill-età ta’ xi xahrejn jew tlieta missieri kien ġa beda jeħodni għall-meetings.

B’hekk trabbejt Laburista.

                                            *
Jien kont l-ewwel neputi li kellhom in-naħa t’ommi. (Kien hemm wieħed qabli, imma dan twieled l-Awstralja, u allura qatt ma rawh Malta.) Tgħidx kemm fissduni u kemm qlajt rigali tul is-snin.

Kien b’riħet it-twelid tiegħi li missieri reġa’ beda jidħol f’darhom. U jkolli nammetti li tul is-snin, minkejja li ma ħamlux il-politika ta’ missieri, lili qatt ma qaluli kelma dwar il-politika. Qatt ma ppruvaw idawruni kontra missieri.

Min-naħa l-oħra bqajt bil-memorja ta’ missieri jillatika maz-zijiet. Kull meta kien hemm festin (tieġ, magħmudija…) l-irġiel kienu jinġabru għalihom fuq naħa tal-kamra jew sala, u n-nisa fuq oħra. F’kemm ili ngħidilkom, iz-zijiet irġiel kienu jduru għal missieri u ħallihom jikkustinjaw. Għallinqas qatt ma ċedielhom, u qatt ma ħalliehom b’xejn!

                                            *
Meta kelli seba’ snin in-nanna u z-zija Tessie bdew jeħduni Għawdex magħhom għal ġimgħa vaganzi kull sajf. Kienu jikru kamra f’lukanda Marsalforn. L-interdett kien għadu ma tneħħiex. Jum minnhom – kien il-Ħadd – kif ħriġna mill-quddiesa dort fuq nannti u staqsejtha għala l-papà ma jmurx knisja. Li hu taghħa nagħtihulha – ma qalitli xejn.

                                            *

Gonzi miet f’Jannar tal-1984. Il-Gvern Laburista għamillu funeral statali. Dak iż-żmien jien kont segretarju tal-Għaqda Żgħażagħ Komunisti. Lil sħabi tal-GħŻK avżajthom li mhux se mmorru għall-funeral. La kien żiblu tul ħajtu, issa li miet xorta żiblu għadu u jibqa’.

                                            *
Balleċ! Imma kif dal-proxxmu baqa’ jitfaċċa daqs dawn snin wara?! Kien Marzu 1998. Kont ili ngħix l-Awstralja tnax-il sena. Wieħed mill-kuġini żżewweġ, u mort għat-tieġ tiegħu. Waqt ir-riċeviment ta’ wara l-quddiesa wieħed mill-mistednin l-oħra – li rani liebes libsa ntiera stil Shanghai (ala Jet Lee) – staqsieni iniex qassis. Biex nitmellaħ għidtlu li jien Gonzi. Weġibni li Gonzi kien jiġi minnu. Xi tridni nagħmel? Biex inkompli nitmellaħ offrejtlu l-kondoljanzi tiegħi, mhux għax miet imma għax jiġi minnu.

It-Tnejn, 4 ta’ Ottubru 2010

Ġużè Ellul Mercer, il-Miżbla u ż-żiblu Gonzi

Ġużè Ellul Mercer kien membru tal-Eżekuttiv tal-MLP meta dana laqqat l-Interdett. Ġużè kien raġel ġentili u ta’ qalbu kbira. L-imġiba tiegħu mal-proxxmu kienet xempju tal-aħjar kwalitiajiet ta’ Nisrani ġenwin – u fi twemminu kien fil-fatt Nisrani. Politikament kien xellugi, u kritiku kemm tal-ipokrezija tal-Knisja kif ukoll tal-ħakma kolonjali Ingliża.

Kien ukoll kittieb ewlieni, magħruf sew għar-rumanz tiegħu Leli ta’ Ħaż-Żgħir.

Ġużè Ellul Mercer miet fit-22 ta’ Settembru 1961, fl-età ta’ 64.

Iż-żiblu Gonzi ġiegħelu jindifen fil-Miżbla – biċċa art maġenb iċ-Ċimiterju tal-Addolorata li ma kenitx ikkonsagrata. Din hi l-istmerrija u l-ħdura li uriet il-Knisja Kattolika Apostolika Rumana!
Ta’ min igħid ukoll li Ellul Mercer ma kienx l-uniku wieħed li ndifen hemm. L-oħrajn kienu:

Toninu Caligari
Karmenu Cini
Ġorġ Gravina
Karmenu Ritchie
Amletu Spiteri
Toni Żahra
Liża Żammit

Ġużè Ellul Mercer hemm għadu midfun, taħt qabar li l-kumitat Laburista tal-Imsida bnielu snin wara.

                     *
Għandi rabta żgħira ma’ Ellul Mercer. Nafu personalment ma kontx – twelidt wara li miet. Ghall-ħabta tal-1979, jekk qed niftakar sew, Alex Sciberras Trigona – dak iż-żmien Ministru tal-Kultura u l-Affarijiet Barranin – kien ħajjarni nibda nikteb għall-magażin Il-Ħsieb, li tiegħu hu kien l-editur. Ma domtx ma sseħibt fil-bord editorjali. Xi ftit wara, meta kont ġa l-università, Evarist Bartolo, li ukoll kien fil-bord editorjali, issuġġerieli li nsib in-novelli ta’ Ellul Mercer fil-gazzetti l-qodma tal-partit biex nippubblikawhom waħda f’kull ħarġa ta’ Il-Ħsieb. Għalhekk kont tarani dieħel fil-Bibblijoteka Nazzjonali, xi nhar ta’ Sibt fil-għodu, biex inqalleb fi Il-Ħmar, li kienet bdiet toħroġ fl-1928.

Kont nitlob fotokopji tan-novelli. Imbagħad kont nittajpjahom bl-alafabett modern tal-1935 u mmur ngħaddihom lil Charles Miceli, li kien jaħdem fil-Union Press. B’hekk, waħda waħda, in-novelli ta’ Ellul Mercer, għall-ewwel darba f’iktar minn ħamsin sena, reġgħu bdew jinqraw.

Xi ftit tax-xhur (jew forsi sena?) wara li Il-Ħsieb ħareġ l-aħħar novella, Ġużè Cassar Pullicino, permezz tal-Klabb Kotba Maltin, fl-1985 ħareġ il-ġabra ta’ novelli ta’ Ellul Mercer. Imma jien kont għaddejtu!

                                          *


Xena mid-dramm L-Interdett Taht is-Sodda

Clare Azzopardi, waħda mill-kittieba ewlenin f’Malta llum, kienet kitbet dramm jismu L-Interdett Taħt is-Sodda. Dan kien ittella’ minn Teatrudramm u Inizjamed, bid-direzzjoni ta’ Marcelle Teuma, f’Novembru 2006. Clare Azzopardi, f’dan id-dramm, ittrattat it-tema taċ-ċimeterju, inkluż il-ġrajja tal-Interdett u l-Miżbla.

Id-dramm ġie ippubblikkat fl-2009 kemm fi traduzzjoni Franċiża kif ukoll traduzzjoni Għarbija (fl-Eġittu). Imma mhux fl-ilsien oriġinali tiegħu il-Malti. Il-pubblikaturi Maltin ma felħux jieħdu s-sogru li jitilfu l-flus minnu. U allura domna nistennew biex naraw kopja bil-Malti. Imma, kif igħid il-Malti, min jistenna jithenna (għalkemm kont għodni therrejt minflok). Sa fl-aħħar jinstab għall-bejgħ, grazzi għall-intrapriża ewlenija tal-kotba il-Merlin Library.

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Settembru 2010

L-Interdett: ommi tlaqqtu m’għand ommha u l-Partit ilaqqtu m’għand il-Knisja

Jannar 1961: Fil-ġlieda għall-ħelsien mill-Ingliżi il-MLP fittex appoġġ minn żewġ għaqdiet internazzjonali. L-ewwel waħda kienet l-AAPSO – African Asian People’s Solidarity Organisation. It-tieni kienet is-Socialist International.

Skont l-għerf tal-Knisja, dawn kienu għaqdiet komunisti. Ma ninsewx li l-Knisja kienet sieħba tal-imperjaliżmu f’daż-żmien tal-Gwerra Bierda . Meta Mintoff u Anton Buttiġieġ marru jattendu laqgħa tal-AAPSO fil-Kajr f’Jannar 1961 Gonzi tfantas mhux ftit. Il-Kurja ġabret madwarha dik li sejħu il-Ġunta Djoċesana – ġabra ta’ għaqdiet reliġjużi, inkluż l-Azzjoni Kattolika u tal-Mużew, biex tniedi gwerra kontra l-Laburisti. Il-Ġunta iddikkjarat li ħadd mill-membri tagħha ma jista’ jissieħeb mal-MLP, u lanqas ma jistgħu jappoġġjaw jew jivvotaw għall-Partit.


21 ta’Jannar 1961: Għat-tieġ ta’ Victoria, ommha Lucy xtratilha d–drapp u ħititilha l-libsa. U saħansitra anke tagħta d-dota. Imma għat-tieġ ma marritilhiex. U ma ħalliet lil ħadd mill-familja jmur, lanqas. Bagħtet lil Harold, wieħed minn ħut Victoria, biex iwassalha saz-zuntier tal-knisja u mbagħad kellu jerġa’ jitlaq lura d-dar.




  
Duminku, Victoria, Ċali u Karmena
Għall-qamar il-għasel Ċali u Victoria marru Buġibba, qagħdu f’ appartament mikri, u maghhom ħadu lill-kelb tal-familja Jubal. Kif kienet hemm Victoria ċemplet lil ommha biex tgħidliha kemm qed tieħu gost; missieri bit-tmelliħ ikkummentalha kemm hi kattiva.

Marzu 1961: L-Isqfijiet għoġobhom jerġgħu jużaw ir-Randan biex jattakkaw lill-MLP. Ħarġu jikkundannaw il-komuniżmu.

Eżatt wara ħarġet “Sejħa lill-Poplu Malti” mill-kappillani ta’ Malta u Għawdex, il-provinċjali tal-ordnijiet reliġjużi ul-Ġunta Djoċesana. F’dis-sejħa kkundannaw il-komuniżmu u xlew li l-komuniżmu qed jiddaħħal f’Malta mill-MLP permezz tas-sħubija tal-Partit fl-AAPSO.

Għamlu sejħa biex in-nies jinġemgħu bi ħġarhom fuq il-fosos tal-Furjani fil-5 ta’ Marzu biex jipprotestaw kontra t-theddida tal-komuniżmu.

15 ta’ Marzu 1961: L-MLP ħareġ stqarrija li fiha kkundanna l-imġieba tal-arċosqof Gonzi, li biha kien qed jagħmel ħsara lill-pajjiż fil-ġlieda tiegħu għall-ħelsien. Spjega kif mill-gvernijiet tal-Ewropa u tal-Istati Uniti u min-NATO il-Partit baqa’ b’xiber imnieħer. Żied li għand il-gvernijiet tal-Ewropa tal-Lvant ma marx. Ikkundanna lill-arċisqof bħala persuna privata u mhux kif qabillu Gonzi jdawwarha li qed jattakkawh bħala kap tal-Knisja.


L-Eżekuttiv tal-MLP 1961
 8 ta’ April 1961: Ma kenitx imbierka stqarrija! L-arċisqof talab bid-dritt li l-Partit jirtira l-istqarrija u jagħtih apoloġija. Mill-Partit it-tweġiba kienet li, bħala partit demokratiku, irid iressaq dit-talba quddiem il-konferenza ġenerali. L-isqfijiet mill-ewwel – fit-8 ta’ April – bagħtu ittra li fiha taw l-interdett lil kull min kien ħa sehem fil-laqgħa tal-Eżekuttiv fil-15 ta’ Marzu.

24 ta’ Mejju 1961: Il-Knisja ħarġet ċirkulari li fiha estendiet l-interdett lil kulmin jikkritika lill-arċisqof u lill-kleru, lil kulmin jappoġġja lill-MLP, u lil kulmin jaqra l-gazzetti tal-Partit.










Il-Ħadd, 19 ta’ Settembru 2010

L-għerusija u l-bidu tal-inkwiet

 


Ċali u Victoria
  
 Ċali u Victoria tgħarrsu sena wara li ltaqgħu, f’Mejju tal-1959. Peress li l-inkwiet bejn il-Partit Laburista u l-Knisja kien għadu ma żbruffax, Ċali, għalissa, kien jintlaqa’ tajjeb f’dar Victoria. Tant li l-festin tal-għerusija sar f’darha.

Mhux li inkwiet politiku ma kienx hemm; l-għada tat-28 t’ April 1958 l-Arċisqof Gonzi kien ħareġ jikkundanna l-vjolenza. Mintoff allura pubblikament akkużah li huwa kollaboratur tal-Ingliżi. Imma kienu għad iridu jgħaddu ftit xhur oħra qabel ma l-Knisja ħaditha qatta’ bla ħabel kontra l-Laburisti.

Kien hawn li beda jriegħed u jberraq fid-dar ta’ Victoria. John u Lucy – missier u omm Victoria – lil Ċali issa bdew jarawh ikrah. L-inkwiet kellu jiżbroffa b’ċuċata, meta darba waħda wassalha lura d-dar minn ħarġa. Oħtha ż-żghira tat daqqa ta’sieq lil Victoria, u Ċali lil Victoria qalilha biex ma tagħtix kas ta’ oħtha u ma tħallihiex tħassrilha l-gost li kienet ħadet dakinhar. John għadab u qallu jitlaq ‘il barra. Ċali dar fuq Victoria u qalilha, “Se tiġi?” Hi ħarġet mill-bieb tas-salott biex titlaq ‘il barra. Uħud minn ħutha s-subien qamu biex imorru warajha biex jiġbduha ‘l ġewwa. Ċali ntefa fil-bieb tal-kamra tas-salott u refa’ jdejh qisu msallab biex ibarri l-bieb. Ta’ xejn issieltu miegħu.

Dan seħħ f’Jannar tal-1960.

Minn dakinhar sa meta twelidt jien, l-ewwel neputi ta' John u Lucy f’Malta, missieri Ċali ma daħalx iktar għandhom.

Dakinhar Victoria marret tgħix ma’ ħu Ċali – Ġorġ - u martu. Magħhom għamlet sitt xhur maħruba minn dar ommha. Tul daż-żmien Patri Leopoldo, ħabib tal-familja ta’ Ċali, li ‘l quddiem kellu jżewwiġhom, kellu jmur ikellem lil omm Victoria, biex jipprova jġib il-paċi bejniethom; imma fil-fatt ma marx. Għala ma marx ma nafux.

Darba minnhom Victoria ltaqgħet m’ommha fit-triq u din ħajritha tmur lura d-dar. Damet hemm sakemm, xi tmien xhur wara, hi u Ċali żżewġu.


L-Arċisqof Mikiel Gonzi
Sadattant l-inkwiet bejn il-Knisja u l-Partit Laburista sserja: fis-6 ta’ Marzu 1960 l-Isqfijiet ħarġu l- Pastorali tar-Randan li fiha qalu li min hu Nisrani ma jistax ikun Soċjalista. Il-gazzetta The Struggle, tal-Labour League of Youth, ippubblikat kritika tal-Pastorali li rrabbjat bil-kif lill-Isqfijiet. Dawn talbu apoloġija. Dak li rċievu m’għoġobhomx u taw l-Interdett lill-editur tal-gazzetta Lorry Sant u saħansitra lil kull min baqa’ jaqra dil-gazzetta.

Ta’ min ifakkar, hawn, li l-Laburisti kważi kollha kienu Kattoliċi. Jiġifieri din ma kenitx ġlieda bejn il-Kattoliċi u dawk li ma jemmnux. Ċali u l-familja tiegħu kienu tipiċi minn hekk. Tul l-għerusija ma’ Victoria kien imur il-quddies kuljum magħha. Kienu jiltaqgħu biex imorru jisimgħu l-quddiesa tas-sebgħa ta’ fil-għodu, imbagħad Ċali kien jibqa’ sejjer ix-xogħol u Victoria kient tmur lura d-dar.


Il-Ħadd, 5 ta’ Settembru 2010

Ir-Rifuġjati

Waqt li kont l-Indoneżja ma’ sieħbi Danny, inżuru l-qraba tiegħu, irnexxieli nsib kopja tal-ktieb The Chinese in Indonesia, ta’ Pramoedya Ananta Toer. Pram, kif isibuh l-Indoneżjani, huwa kittieb magħruf iktar madwar id-dinja milli f’pajjiżu, fejn qatta’ erbatax-il sena ħabsi fuq il-gżira ta’ Buru, mill-1965 sal-1979, u mbagħad baqa’ arrestat f’daru sal-1992. Kien intefa’ hemm wara l-kolp ta’ stat li wettqet l-armata taħt Suharto, dak li sar id-dittatur tal-pajjiż sal-1998.

Dal-ktieb huwa ġabra ta’ artikli – fil-forma ta’ ittri lil ħabiba Ċiniża - li kien kiteb fil-gazzetta Bintang Minggu bejn tmiem l-1959 ul-bidu tal-1960. Il-ktieb innifsu harġu fl-1960. Kitbu bi kritika kontra l-politika tal-armata u ta’ wħud mill-ministri fil-gvern, mingħajr trażżin mill-President Sukarno, kontra ċ-Ċiniżi Indoneżjani. Waqt li kien imsiefer sema’ li l-ktieb inħataf mill-militar; malli wasal lura l-Indoneżja safa arrestat għal sena sħiħa.

Kif bdejt naqra l-ewwel ittra, l-ewwel ħsieb li ġieni kien li kliemu japplikaw għall-qagħda tar-rifuġjati, għall-mod kif qed jiġu ttrattati: mitfugħin f’kampijiet; ħabsin bla ma wettqu reat. Għax wara kollox m’hemm ebda liġi kontra r-rifuġjati – il-liġi internazzjonali tagħraf id-drittijiet tagħhom, liġijiet li l-gvernijiet ta’ għadd ta’ pajjiżi, inkluż ta’ Malta w tal-Awstralja, jiġu jitmellħu minnhom.

Dawn huma kliem Pram:

“Jekk inħarsu biss lejn ir-realtà uffiċċjali (xi kliem ċiniċi: realtà uffiċċjali!), illum qed ngħixu fi żmenijiet moderni. Hemm ħafna nies li huma kburin li jagħmlu parti minn daż-żmien modern u li jqisu ż-żmenijiet tal-imgħoddi qishom kienu strambi, mitlufin, forsi anki tragiċi, patetiċi. Iva, u jien ukoll ikolli nammetti li daż-żmien modern ikkontribwixxa ħafna lill-umanità. Imma anki llum l-umanità nnifisha tinsab mhedda, sakemm jibqa’ jkun hemm nies li jippreferu jgħixu bħall-bhejjem milli bħall-bnedmin. U l-ħaġa stramba hija li huma l-bnedmin infushom – l-unika qawwa li tista’ tiddefendi ċiviltà ħanina - li spiss jinsew li huma bnedmin. Ix-xogħol tal-iżvilupp tal-umanità huwa spiss ittradut mill-bnedmin infushom. B’hekk jitfaċċcaw bosta xorti ta’ terrur.”

Nieħu minna l-Maltin. Għala bosta minna ma rridux rifuġjati f’pajjiżna? Hemm min iġħid għax Malta żgħira u ma tiflahomx. Hemm min igħid għax jieħdu xogħol il-Maltin. Imma l-fatti x’inhuma? Wisq nissusspetta li għax ir-rifuġjati li naraw ġejjin huma mill-Afrika, għax huma suwed. Kieku kienu bjondi ċert li ftit li xejn kont issib min joġġezzjona. Insejna li hu x’inhu l-lewn tal-ġilda xorta waħda lkoll kemm aħna bnedmin.

Mhux biss, imma wisq Maltin l-ewwelnett insew li aħna ssawwarna bħala poplu mit-taħlit tad-demm minn għadd ta’ nies minn pajjiżi oħrajn. U t-tieni donnhom insew ukoll kemm eluf fuq eluf ta’ Maltin marru joqogħdu f’art ħaddieħor, ibda mit-Tunezija u pajjiżi oħrajn fl-Afrika ta’ Fuq fis-seklu dsatax, u kompli b’dawk li marru l-Ingilterra, il-Kanada, l-Istati Uniti u l-Awstralja fis-seklu għoxrin.
Allura għax ma ngħarfux lir-rifuġjati bħala aħwa li jinsabu fil-bżonn?!

P.S. Pramoedya Ananta Toer miet fit-30 t’April 2006.