Il-Ħadd, 5 ta’ Settembru 2010

Ir-Rifuġjati

Waqt li kont l-Indoneżja ma’ sieħbi Danny, inżuru l-qraba tiegħu, irnexxieli nsib kopja tal-ktieb The Chinese in Indonesia, ta’ Pramoedya Ananta Toer. Pram, kif isibuh l-Indoneżjani, huwa kittieb magħruf iktar madwar id-dinja milli f’pajjiżu, fejn qatta’ erbatax-il sena ħabsi fuq il-gżira ta’ Buru, mill-1965 sal-1979, u mbagħad baqa’ arrestat f’daru sal-1992. Kien intefa’ hemm wara l-kolp ta’ stat li wettqet l-armata taħt Suharto, dak li sar id-dittatur tal-pajjiż sal-1998.

Dal-ktieb huwa ġabra ta’ artikli – fil-forma ta’ ittri lil ħabiba Ċiniża - li kien kiteb fil-gazzetta Bintang Minggu bejn tmiem l-1959 ul-bidu tal-1960. Il-ktieb innifsu harġu fl-1960. Kitbu bi kritika kontra l-politika tal-armata u ta’ wħud mill-ministri fil-gvern, mingħajr trażżin mill-President Sukarno, kontra ċ-Ċiniżi Indoneżjani. Waqt li kien imsiefer sema’ li l-ktieb inħataf mill-militar; malli wasal lura l-Indoneżja safa arrestat għal sena sħiħa.

Kif bdejt naqra l-ewwel ittra, l-ewwel ħsieb li ġieni kien li kliemu japplikaw għall-qagħda tar-rifuġjati, għall-mod kif qed jiġu ttrattati: mitfugħin f’kampijiet; ħabsin bla ma wettqu reat. Għax wara kollox m’hemm ebda liġi kontra r-rifuġjati – il-liġi internazzjonali tagħraf id-drittijiet tagħhom, liġijiet li l-gvernijiet ta’ għadd ta’ pajjiżi, inkluż ta’ Malta w tal-Awstralja, jiġu jitmellħu minnhom.

Dawn huma kliem Pram:

“Jekk inħarsu biss lejn ir-realtà uffiċċjali (xi kliem ċiniċi: realtà uffiċċjali!), illum qed ngħixu fi żmenijiet moderni. Hemm ħafna nies li huma kburin li jagħmlu parti minn daż-żmien modern u li jqisu ż-żmenijiet tal-imgħoddi qishom kienu strambi, mitlufin, forsi anki tragiċi, patetiċi. Iva, u jien ukoll ikolli nammetti li daż-żmien modern ikkontribwixxa ħafna lill-umanità. Imma anki llum l-umanità nnifisha tinsab mhedda, sakemm jibqa’ jkun hemm nies li jippreferu jgħixu bħall-bhejjem milli bħall-bnedmin. U l-ħaġa stramba hija li huma l-bnedmin infushom – l-unika qawwa li tista’ tiddefendi ċiviltà ħanina - li spiss jinsew li huma bnedmin. Ix-xogħol tal-iżvilupp tal-umanità huwa spiss ittradut mill-bnedmin infushom. B’hekk jitfaċċcaw bosta xorti ta’ terrur.”

Nieħu minna l-Maltin. Għala bosta minna ma rridux rifuġjati f’pajjiżna? Hemm min iġħid għax Malta żgħira u ma tiflahomx. Hemm min igħid għax jieħdu xogħol il-Maltin. Imma l-fatti x’inhuma? Wisq nissusspetta li għax ir-rifuġjati li naraw ġejjin huma mill-Afrika, għax huma suwed. Kieku kienu bjondi ċert li ftit li xejn kont issib min joġġezzjona. Insejna li hu x’inhu l-lewn tal-ġilda xorta waħda lkoll kemm aħna bnedmin.

Mhux biss, imma wisq Maltin l-ewwelnett insew li aħna ssawwarna bħala poplu mit-taħlit tad-demm minn għadd ta’ nies minn pajjiżi oħrajn. U t-tieni donnhom insew ukoll kemm eluf fuq eluf ta’ Maltin marru joqogħdu f’art ħaddieħor, ibda mit-Tunezija u pajjiżi oħrajn fl-Afrika ta’ Fuq fis-seklu dsatax, u kompli b’dawk li marru l-Ingilterra, il-Kanada, l-Istati Uniti u l-Awstralja fis-seklu għoxrin.
Allura għax ma ngħarfux lir-rifuġjati bħala aħwa li jinsabu fil-bżonn?!

P.S. Pramoedya Ananta Toer miet fit-30 t’April 2006.

No comments: