Il-Ħadd, 19 ta’ Settembru 2010

L-għerusija u l-bidu tal-inkwiet

 


Ċali u Victoria
  
 Ċali u Victoria tgħarrsu sena wara li ltaqgħu, f’Mejju tal-1959. Peress li l-inkwiet bejn il-Partit Laburista u l-Knisja kien għadu ma żbruffax, Ċali, għalissa, kien jintlaqa’ tajjeb f’dar Victoria. Tant li l-festin tal-għerusija sar f’darha.

Mhux li inkwiet politiku ma kienx hemm; l-għada tat-28 t’ April 1958 l-Arċisqof Gonzi kien ħareġ jikkundanna l-vjolenza. Mintoff allura pubblikament akkużah li huwa kollaboratur tal-Ingliżi. Imma kienu għad iridu jgħaddu ftit xhur oħra qabel ma l-Knisja ħaditha qatta’ bla ħabel kontra l-Laburisti.

Kien hawn li beda jriegħed u jberraq fid-dar ta’ Victoria. John u Lucy – missier u omm Victoria – lil Ċali issa bdew jarawh ikrah. L-inkwiet kellu jiżbroffa b’ċuċata, meta darba waħda wassalha lura d-dar minn ħarġa. Oħtha ż-żghira tat daqqa ta’sieq lil Victoria, u Ċali lil Victoria qalilha biex ma tagħtix kas ta’ oħtha u ma tħallihiex tħassrilha l-gost li kienet ħadet dakinhar. John għadab u qallu jitlaq ‘il barra. Ċali dar fuq Victoria u qalilha, “Se tiġi?” Hi ħarġet mill-bieb tas-salott biex titlaq ‘il barra. Uħud minn ħutha s-subien qamu biex imorru warajha biex jiġbduha ‘l ġewwa. Ċali ntefa fil-bieb tal-kamra tas-salott u refa’ jdejh qisu msallab biex ibarri l-bieb. Ta’ xejn issieltu miegħu.

Dan seħħ f’Jannar tal-1960.

Minn dakinhar sa meta twelidt jien, l-ewwel neputi ta' John u Lucy f’Malta, missieri Ċali ma daħalx iktar għandhom.

Dakinhar Victoria marret tgħix ma’ ħu Ċali – Ġorġ - u martu. Magħhom għamlet sitt xhur maħruba minn dar ommha. Tul daż-żmien Patri Leopoldo, ħabib tal-familja ta’ Ċali, li ‘l quddiem kellu jżewwiġhom, kellu jmur ikellem lil omm Victoria, biex jipprova jġib il-paċi bejniethom; imma fil-fatt ma marx. Għala ma marx ma nafux.

Darba minnhom Victoria ltaqgħet m’ommha fit-triq u din ħajritha tmur lura d-dar. Damet hemm sakemm, xi tmien xhur wara, hi u Ċali żżewġu.


L-Arċisqof Mikiel Gonzi
Sadattant l-inkwiet bejn il-Knisja u l-Partit Laburista sserja: fis-6 ta’ Marzu 1960 l-Isqfijiet ħarġu l- Pastorali tar-Randan li fiha qalu li min hu Nisrani ma jistax ikun Soċjalista. Il-gazzetta The Struggle, tal-Labour League of Youth, ippubblikat kritika tal-Pastorali li rrabbjat bil-kif lill-Isqfijiet. Dawn talbu apoloġija. Dak li rċievu m’għoġobhomx u taw l-Interdett lill-editur tal-gazzetta Lorry Sant u saħansitra lil kull min baqa’ jaqra dil-gazzetta.

Ta’ min ifakkar, hawn, li l-Laburisti kważi kollha kienu Kattoliċi. Jiġifieri din ma kenitx ġlieda bejn il-Kattoliċi u dawk li ma jemmnux. Ċali u l-familja tiegħu kienu tipiċi minn hekk. Tul l-għerusija ma’ Victoria kien imur il-quddies kuljum magħha. Kienu jiltaqgħu biex imorru jisimgħu l-quddiesa tas-sebgħa ta’ fil-għodu, imbagħad Ċali kien jibqa’ sejjer ix-xogħol u Victoria kient tmur lura d-dar.


No comments: